Marlene Mizzi tinħatar Rapporteur

L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi inħatret mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi bħala rapporteur u kelliema fuq ir-rapport tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet dwar l-attivitajiet annwali tal-Ombudsman Ewropew.
Dan hu l-ewwel inkarigu uffiċjali mogħti lil Marlene Mizzi mill-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2014. Hi diġà kellha esperjenza ta’ bosta rapporti matul il-leġizlatura li għaddiet.
B’reazzjoni għal din il-ħatra, Marlene Mizzi qalet li hu dejjem unur li tinħatar bħala rapporteur mill-grupp politiku tiegħek, b’mod partikolari fuq kwistjoni daqshekk important għaċ-ċittadin. Hi qalet li se tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li t-tħassib u l-ilmenti taċ-ċittadini jkunu kompletament integrati fil-ħidma tal-Ombudsman Ewropew u tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha.
L-Ombudsman Ewropew għandu rwol ewlieni biex isaħħaħ u jkattar id-djalogu maċ-ċittadini Ewropej, u jressaqhom eqreb tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.