Marlene Mizzi tħeġġeġ il-ħolqien ta’ programm ġdid fl-UE għat-tfal

L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi qed tippromwovi l-idea biex l-UE toħloq programm edukattiv li permezz tiegħu, tfal fl-età tal-iskola jingħataw l-opportunità li jsiefru u jesperjenzaw kulturi, lingwi, tradizzjonijiet u valuri Ewropej differenti minn dawk ta’ pajjiżhom.
L-idea ta’ Mizzi ntlaqgħet f’rapport tal-Parlament Ewropew li fuqu ttieħed vot fi Strażburgu din il-ġimgħa.
Marlene Mizzi spjegat li l-programm li qed tissuġerixxi hi hu simili għal Erasmus imma għal tfal iżgħar.
Qed tipproponi li t-tfal ikunu esposti għal esperjenza simili mill-inqas darba matul is-snin tal-iskola, bl-opportunità tingħata lil kull tifel u tifla biex igawdu, inkluż dawk li huma żvantaġġjati mil-lat ekonomiku u soċjali.
Mizzi saħqet li din it-tip ta’ esperjenza edukattiva tgħin daqs l-edukazzjoni tradizzjonali.