Marlene Mizzi ssaqsi lil Juncker dwar l-immigrazzjoni

L-Ewroparlamentari Maltija Marlene Mizzi bagħtet mistoqsijiet lill-eks President tal-Lussemburgu Jean-Claude Juncker dwar l-immigrazzjoni.
Huwa mistenni li Juncker jieħu post Barroso fil-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.
Mizzi kienet preżenti waqt il-grilling ta’ Juncker, iżda mhux l-Ewroparlamentari kollha ingħataw il-ħin li jressqu l-mistoqsijiet tagħhom.
Fuq stedina tas-Soċjalisti Demokratiċi, Marlene Mizzi bagħtet il-mistoqsijiet bil-miktub lil Juncker.
Gianni Pittella għażel il-mistoqsijiet ta’ Mizzi li se jitressqu lil Juncker, dawn kienu jiffukaw fuq x’se tkun il-politika tiegħu dwar l-immigrazzjoni irregolari, it-tqassim tar-responsabilità fost il-pajjiżi membri u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma’ pajjiżi bħal-Libja, minn fejn jitilqu l-vjaġġi bl-immigranti.
Marlene Mizzi fi stqarrija qalet li waqt il-grilling, li dam tliet sigħat, Jean-Claude Juncker evita li jwieġeb direttament għal ħafna mill-mistoqsijiet li sarulu speċjalment dwar l-immigrazzjoni.
Din hija l-ewwel darba li l-Ewroparlamentari se jivvutaw sabiex jinħatar il-President tal-Kummissjoni Ewropea. L-elezzjoni se ssir fi Strażburgu għada.