Marlene Mizzi s-7 l-iżjed attiva fost 751 MEP

Mill-Membri tal-Parlament Ewropew Maltin, Marlene Mizzi hija s-seba’ l-iżjed attiva fost il-Ewroparlamentari kollha.
B’kollox fil-Parlament Ewropew hemm 751 membru. Marlene Mizzi hija wkoll l-iktar Ewroparlamentari attiva fost is-sitt membri Maltin b’422 punt. Dan jirriżulta mill-websajt mepsranking.eu.
Mill-istatistika li tinġabar minn dan is-sit, l-inqas attivi fost il-Maltin huma Alfred Sant u David Casa.
Marlene Mizzi pparteċipaw għal 99% tal-voti. Hija viċi chairman ta’ kumitat fil-Parlament Ewropew, membru f’żewġ kumitati u sostitut fi tnejn oħra.
It-tieni fost il-Maltin ġiet Miriam Dalli bi 361 punt jew l-10 fost is-751 membru tal-Parlament Ewropew.
Dalli ipparteċipat f’96% tal-voti u hija attiva l-iżjed bil-mistoqsijiet. Hija membri f’żewġ kumitati u sostitut f’erbgħa.
Roberta Metsola fit-tielet post, ġabet 343 punt jew is-17 fost il-membri kollha tal-Parlament Ewropew.
Ipparteċipat għal 87% tal-voti li ttieħdu u hija l-iżjed attiva fid-diskorsi. Metsola hija viċi chairman ta’ kumitat, membru fi tnejn u sostitut fi tnejn oħra.
Therese Comodini Cachia ġiet ikklassifikata fit-83 post b’261 punt, b’parteċipazzjoni ta’ 99% tal-voti.
Comodini Cachia hija l-iżjed attiva fil-mistoqsijiet u d-diskorsi. Hija membru fi tliet gruppi u sostitut fi tlieta oħra.
Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista, Alfred Sant jinsab fit-348 post fost is-751 membru tal-Parlament Ewropew, b’169 punt.
Sant ipparteċipa għal 98% tal-voti li ttieħdu u kien attiv l-iżjed fil-mistoqsijiet u r-rapporti. Huwa membru f’żewġ kumitati u sostitut fi tnejn oħra.
Fl-aħħar post fost is-sitta Maltin hemm il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, David Casa b’165 punt u ġie fit-368 post.
Huwa pparteċipa f’79% tal-voti u kien attiv l-iżjed fir-rapporti li fassal. Casa huwa membru f’żewġ kumitati u sostitut fi tnejn oħra.