​ Marlene Mizzi nnominata għall-MEP Awards

L-Ewroparlamentari tal-Partit Laburista Marlene Mizzi ġiet innominata għall-Premju tal-Membru tal-Parlament Ewropew tas-Sena għall-ħidma tagħha dwar is-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur. 
Mizzi hija l-unika Maltija li ġiet innominata għall-Premju tal-MEPs ta' din is-sena.
Mizzi kellha rwol importanti fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur bħala negozjatur ewlieni fuq bosta dossiers tas-Suq Uniku Diġitali li ffurmaw il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar kwistjonijiet importanti bħat-tariffi tar-roaming.
Fost affarijiet oħra Mizzi ħadmet ukoll fuq in-newtralità tal-internet u l-Istandards Ewropej. Mizzi hi waħda mill-MEPs li qed taħdem għal rati orħos fuq telefonati internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE. Bħalissa tinsab taħdem fuq leġiżlazzjoni ġdida li se timmodernizza r-regoli tat-telekommunikazzjoni Ewropea.
Din kienet it-tieni darba li Mizzi qed tiġi nnomminata, hekk kif is-sena l-oħra ġiet innominata għall-ħidma tagħha fuq il-kwistonijiet tal-benessere tal-annimali.
Dan il-Premju jiġi organizzat kull sena mir-rivista The Parliament Magazine.