Marlene Mizzi mħassba dwar kemm l-Ewropa hi preparata biex tilqa’ għat-terroriżmu

L-Ewropa teħtieġ issaħħaħ l-istrateġija tagħha biex tinkludi miżuri immedjati u fit-tul biex tipprevjeni u teqred it-theddida tat-terroriżmu darba għal dejjem.
Dan qalitu l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi waqt laqgħa straordinarja tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew li trattat it-terroriżmu u r-radikaliżmu fid-Dinja.
Marlene Mizzi staqsiet jekk l-Ewropa u l-Istati Membri “humiex preparati għal waħda mill-akbar theddid u sfidi li qed tiffaċċa l-umanità.” Saħqet li tinsab ċerta li t-terroriżmu se tkun l-akbar sfida u staqsiet x’qed tagħmel l-Ewropa biex tipprevjeni dan.
Mizzi staqsiet ukoll jekk l-Ewropa hux qed tħares lejn possibilità ta’ attakk terroristiku bl-użu ta' materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku jew saħansitra materjal nukleari?
L-Ewroparlamentari esprimiet it-tħassib tagħha wara rapport reċenti li organizzazzjonijiet terroristiċi qed isiru trans-nazzjonali, organizzati u ffinanzjati tajjeb. Esperti qed jirrapurtaw li hemm “theddida reali ta' attakki terroristiċi fil-futur bl-użu ta' armi projbiti internazzjonalment tal-qerda massiva.”
L-Ewroparlamentari kkumentat li l-fundamentaliżmu Iżlamiku sar moviment globali b’ideoloġija tiegħu u għalhekk saħqet dwar l-importanza li tingħeleb l-ideoloġija tagħhom.
“It-terrorizmu huwa theddida globali b'implikazzjonijiet transkonfinali u għalhekk jirrikjedi li jiġi ndirizzat b'mod koordinat,” temmet tgħid Mizzi.