Marlene Mizzi l-Ewroparlamentari tas-Sena

Marlene Mizzi rebħet il-Premju Ewroparlamentari tas-Sena waqt ċerimonja fi Brussell għall-ħidma u l-kisbiet tagħha fi kwistjonijiet tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur.
“Huwa ta’ unur kbir li rbaħt dan il-premju prestiġjuż ta’ MPE tas-Sena, mhux biss għalija, iżda wkoll għal Malta. Kburija li n-nies emmnu u fdaw fija speċjalment għax ingħatajt il-premju għall-kontribut tiegħi fil-qasam tas-suq uniku diġitali”, kienu wħud mill-kummenti ta’ Mizzi meta rċeviet il-premju.
Mizzi kellha rwol ewlieni fil-kumitat għas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur, bħala l-kap negozjatur fuq diversi dossiers tas-Suq Uniku Diġitali.
Fi stqarrija ntqal li għenet fl-iffinalizzar u l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea fuq kwistjonijiet importanti bħan-newtralità tan-net u t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming.
Issemmiet ukoll il-ħidma tagħha fuq rapport strateġiku dwar it-tfassil tal-istandards Ewropej tal-ġejjieni u hija waħda mill-MEPs ewlenin li qegħdin jiġġieldu għal prezzijiet orħos fuq telefonati internazzjonali fl-Ewropa.
Xogħol kurenti tagħha bħalissa jdur ma’ 2 proġetti leġiżlattivi kbar.
L-ewwel wieħed se jimmodernizza r-regoli tal-komunikazzjoni Ewropej u t-tieni wieħed se jiddiġitalizza l-amministrazzjoni pubblika tal-istat membri tal-UE kollha.