​Marlene Mizzi fil-Ħaiti f’isem il-Parlament Ewropew

L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi inħatret bħala osservatur elettorali Ewropew f'isem l-Parlament Ewropew biex tissorvelja l-elezzjonijiet tal-Ħadd li ġej f'Ħaiti.
L-Unjoni Ewropea diġà nediet missjoni għall-osservazzjoni elettorali fl-aħħar xhur.
Il-Ħaiti għaddej minn proċess importanti fejn l-elezzjonijiet lokali, leġiżlattivi u dawk Presidenzjali qed iseħħu kollha fl-istess ħin.
L-ewwel rawnd ta' elezzjonijiet leġislattivi saru fid-9 ta' Awwissu 2015, fejn instabu numru ta' irregolaritajiet u vjolenza.
Marlene Mizzi spjegat kif missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali huma importanti għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għas-sovranità tal-liġi madwar id-dinja.
Dwar il-Ħaiti, qalet li dawn l-elezzjonijiet huma biss l-ewwel pass u t-tmexxija l-ġdida se taffaċċja sfidi kumplessi bħan-nuqqas ta’ sigurtà, korruzzjoni, faqar u l-effetti tat-terremoti.