Marlene Mizzi favur li tibqa’ tinqaleb is-siegħa darbtejn f’sena

L-ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi qalet li vvotat kontra riżoluzzjoni li qed titlob għal reviżjoni tal-ħin tas-sajf.
Fi stqarrija qalet li vvotat kontra minħabba l-effetti li din tista’ tħalli fuq is-saħħa tal-bniedem, jekk l-arloġġ ma jibqax jitmexxa darbtejn fis-sena kif isir bħalissa fi tmiem Marzu u Ottubru.
Madankollu din ir-riżoluzzjoni ġiet approvata mill-Parlament Ewropew bi 384 vot favur, 153 kontra u 12-il astensjoni. Id-direttiva dwar l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf tipprovdi data u ħin għall-bidu u t-tmiem tal-ħin tas-sajf fl-Unjoni Ewropea kollha, bil-għan li s-suq intern jaħdem b’mod effettiv.
Marlene Mizzi qalet li hija favur li jibqa’ l-qlib tas-siegħa fis-sajf u fix-xitwa.