Marlene Farrugia titlob lil Adrian Delia jirreżenja

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, talbet lill-Kap tal-Oppożizzjoni ,Adrian Delia, biex minnufih jirreżenja mill-kariga tiegħu.
Marlene Farrugia kitbet dan l-istatus ftit wara li Delia ħabbar li mhux se jattendi għad-dimostrazzjoni nazzjonali fil-Belt Valletta.
Hija qalet li Delia għandu jirreżenja qabel ma jagħmel iżjed ħsara lill-Partit Nazzjonalista u lil Malta.
Hija kkritikat il-fatt li mhux se jattendi għad-dimostrazzjoni li fi kliemha mhux differenti minn dawk li saru qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, għax hija favur governenza tajba, il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija.
“Delia beża’ dakinhar u reġa’ qed jibża’ llum,” qalet Farrugia.
Qalet li minn dakinhar l-affarijiet marru ħafna għall-agħar għax inqatlet waħda mill-akbar kritiċi tiegħu.
Temmet tgħid li l-mexxejja qegħdin hemm biex imexxu u mhux biex jaħarbu.