Marlene Farrugia titlob lill-AĠ jinvestiga bidliet fl-art ta’ Smart City

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia  talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga kumpanija li ngħatat id-drittijiet biex tiżviluppa Smart City u minn sit kummerċjali se jinbidel għal wieħed residenzjali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Farrugia qalet li jekk il-proposta biex il-pjanijiet ta’ Smart City jinbidlu tiġi approvata, il-bini se jirdoppja. Hija saħqet li l-gvern għandu jara li d-differenza fil-valur tiġi mgħoddija lill-poplu u mhux lill-iżviluppaturi.
Filwaqt li qalet li l-PD mhux kontra l-iżvilupp hija qalet li l-art hija riżors imprezzabbli u l-Gvern għandu jieqaf juża art pubblika għal skopijiet ta’ spekulazzjoni.
Hija qalet li l-Gvern qed jagħti diversi vantaġġi lin-negozjanti.
Fil-jiem li għaddew l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) saħqet li l-Parlament għandu japprova l-masterplan ta’ SmartCity u japprova tibdil fil-prezz tal-art.
Kienet qalet li t-tibdil propost fil-masterpalan għandu viżjoni radikali mill-proġett oriġinali ta’ ċentru teknoloġiku li kellu jimpjega 5,000 persuna. Saħqet li f’dan l-isfond il-prezz baxx tal-art kien ġustifikat. Żiedet tgħid li l-prezz tal-art għandu jogħla għax dan il-proġett se jinbidel f’real estate li se jikkompeti ma’ żvilupaturi privati li jħallsu prezzijiet għoljin beix jixtru art.
Smart City kienet inbniet 11-il sena ilu u kellu jsir ċentru għat-teknoloġija.
Mistoqsija mill-ġurnalisti, Dr Farrugia qalet li temmen li l-erba’ kandidati għall-kap tal-PN m’għandhomx esperjenza u tixtieq li jkun hemm aktar kandidati.