Marlene Farrugia titlob ir-riżenja ta’ Helena Dalli

Fil-Parlament, id-deputat indipendenti Marlene Farrugia talbet ir-riżenja tal-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli. Fuq Facebook Dr Farrugia kitbet li mid-diskors tal-Ministru Dalli, hi fehmet li hi qed tipprova tiġġustifika theddida ta’ vjolenza fuq mara u allura vjolenza fiżika fuq mara tista’ tiġi ġġustifikata skont il-kuntest.
Qalet li l-Ministru Dalli missha tistħi u reġgħat talbet ir-riżenja tal-Ministru Dalli.
Dwar ir-ruling tal-Parlament li ngħata fil-konfront tagħha u ta’ Joe Debono Grech, hi kienet qiegħda biss tagħmel xogħlha. Saħqet li hi u Debono Grech kienu t-tnejn trattati ta’ aggressuri u għaldaqstant ir-ruling kien wieħed inġust.
Ġabet l-eżempju ta’ dik il-mara li wara xhur tibni l-kuraġġ biex tmur tagħmel rapport mal-pulizija li r-raġel qed isawwatha, ir-rapport tagħha ma jkunx aċċettat u terġa’ tikkonvinċi ruħha li għalxejn tipprova tirrapporta l-abbuż li jsir fuqha.
Marlene Farrugia appellat lill-kamra tar-rappreżentanti biex tingħaqad flimkien kontra l-abbuż u qalet lill-Partit Laburista li għandu jikkundanna l-ħażin, isir mnejn isir, u mhux biss għax isir mill-Oppożizzjoni.
Min-naħa tagħha Helena Dalli qalet li ebda vjolenza ma tista’ tkun iġġustifikata u ħadet gost bl-ittra t’apoloġija li Joe Debono Grech ta lill-Ispeaker. Sostniet li hemm diżugwaljanza naturali għax ġeneralment l-irġiel huma iktar b’saħħithom, u allura qatt m’għandha tkun iġġustifikata vjolenza. Qalet ukoll li l-vjolenza hi dejjem ħażina, kemm dik fiżika kif ukoll verbali, iżda rridu naraw min ikun qed jagħmel din il-vjolenza.
Qalet li ma nistgħux nużaw it-tikketta ta’ vittmi jekk ma nimxux b’mod ġust ma’ xulxin.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li hu ironija kif il-Gvern mhux kapaċi jgħid li dak li hu ħażin hu fil-fatt ħażin. Sostna li wieħed ma jistax ipoġġi lill-aggressur u lill-vittma fuq l-istess livell. Dr Busuttil qal li l-Partit Laburista diġà sar partit tal-passat.