Marlene Farrugia tistieden lil Manwel Cuschieri jressaq mozzjoni biex titkeċċa

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia stiednet lill-eks President tal-Partit Laburista Manwel Cuschieri biex fil-Konferenza Ġenerali li jmiss tal-partit iressaq mozzjoni biex titneħħa mill-moviment Laburista.
Qalet li lesta tfakkar lil Cuschieri minn xix hu magħmul il-‘moviment’ Laburista li rebaħ l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Marlene Farrugia għamlet din l-istedina fuq Facebook wara l-kumment li Cuschieri għadda fuqha dwar il-mod kif ivvutat fit-Tieni Qari tal-liġi dwar il-Korporazzjoni Enemalta, biex fit-Tielet Qari vvutat favur.
Farrugia qalet li vvutat b’dan il-mod fit-Tieni Qari għaliex riedet twassal messaġġ lill-Gvern Laburista biex ikun iżjed trasparenti u biex tingħata l-informazzjoni kollha fil-Parlament u mhux biex tmur kontra l-Gvern.
Marlene Farrugia qalet li jekk il-Partit Laburista fil-Gvern jressaq xi ħaġa fil-Parlament li tmur kontra dak li ġie mwiegħed qabel l-elezzjoni hi tinsab lesta li tirriżenja biex il-Gvern ikun jista’ jtella’ Deputat ieħor li jkun lest li jivvota favura anke jekk dan imur kontra dak li ġie mwiegħed mill-Partit Laburista fil-manifest elettorali qabel l-elezzjoni.
Qalet li hi se tkompli tirrappreżenta lin-nies u taqdi r-rwol tagħha lejn il-pajjiż.
Dwar il-liġi tal-Enemalta, Marlene Farrugia qalet li “sa’ issa għad irridu naraw x’se jiġri, għalkemm sa’ issa ma nafu xejn aktar fuq dak li konna nafu l-ġimgħa l-oħra.”
Sostniet li qed tistenna r-riżultati.