Aġġornata: Marlene Farrugia tirriżenja mill-Partit Laburista

Id-deputat Laburista Marlene Farrugia rriżenjat mill-Partit Laburista.
Farrugia kkonfermat li kitbet lill-Prim Ministru llum stess fejn infurmatu li kienet se tirriżenja mill-partit, mill-grupp parlamentari tiegħu u mill-kariga tagħha bħala chairperson tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent.
L-ittra ppreżentata lill-Prim Ministru wara li vvutat mal-Oppożizzjoni għal żewġ emendi għal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Ambjent.
L-emendi kienu jgħidu li l-bord il-ġdid tal-Awtorità tal-Ambjent għandu jkollu tliet membri magħżula mill-għaqdiet ambjentali, u li n-nomina għal Chairperson tal-awtorità għandu jkun approvat mill-Parlament wara li jgħaddi mill-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent.
Marlene Farrugia saħqet li l-voti li kienu se jittieħdu jittrattaw il-proposti tal-Partit Laburista għat-trasparenza u l-kontabilità. Spjegat li kienet se tivvota f’isem il-poplu u li l-Gvern kien qed jitlef opportunità biex jitbiegħed mit-tip imċajpar ta’ tmexxija preċedenti. Iddeskriviet ukoll l-mument ta’ bħalissa bħala opportunità għall-ambjent li jinsab f’salib it-toroq.
Farrugia kienet ingħaqdet mal-Partit Laburista fl-2003. 

Reazzjoni PL
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-Prim Ministru aċċetta r-riżenja ta’ Marlene Farrugia mill-Grupp Parlamentari u mill-Partit Laburista. Irringrazzjaha tal-ħidma tagħha fi ħdan il-partit fis-snin li għaddew u awguralha għall-futur. 

Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li r-riżenja ta’ Marlene Farrugia mill-Partit Laburista hija prova li l-moviment li bena Joseph Muscat qed ikompli jixxaqqaq.
L-istqarrija ssostni li Marlene Farrugia telqet mill-Partit Laburista għax fehmet li l-moviment huwa mibni fuq l-ingann, wara li l-Gvern mar kontra dak li wiegħed fil-manifest elettorali.