​Marlene Farrugia tattendi għaċ-ċelebrazzjoni tal-PL fl-1 ta’ Mejju

Id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia se tattendi ċ-ċelebrazzjoni organizzata mill-Partit Laburista f’Jum il-Ħaddiem nhar il-Ħadd li ġej.
Fuq Facebook, Farrugia qalet li se tkun qed tiċċelebra mal-ħaddiema, ma’ min iħaddem, familji u ħbieb. Spjegat li l-preżenza tagħha se tfakkar lil dawk preżenti li l-Partit Laburista għadu jeżisti u m’hemmx biss il-Panamafonseca gang.
“Naddaf u ggverna”
F’messaġġ ieħor, Marlene Farrugia appellat lil kulħadd biex jattendi bi ħġaru biex jgħaddi messaġġ dirett lill-Prim Ministru, “li ma rridux isem il-pajjiż jitħammeġ bit-tajn” minħabba l-iskandlu tal-Panama.
Saħqet li l-messaġġ hu “Naddaf u ggverna.”
Tliet ġimgħat ilu, Marlene Farrugia ħadet sehem fil-protesta kontra l-korruzzjoni organizzata mill-Partit Nazzjonalista quddiem Kastilja.