​Marlene Farrugia tappella lil Konrad Mizzi biex jagħti d-dettalji

Jekk iħobb lil pajjiżu, kif jien ċerta li jħobb, il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi għandu jiċċara l-pjan tiegħu dwar l-enerġija.
Id-deputat Laburista Marlene Farrugia qalet dan fid-diskussjoni li għaddejja bħalissa fil-Parlament b’rabta mal-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija.
Matul dan id-dibattitu hu mistenni li l-Ministru Konrad Mizzi jħabbar dettalji ta’ ftehim milħuq mal-Gvern Ċiniż fl-aħħar sigħat u f’liema perjodu ta’ żmien se jibda u jitlesta x-xogħol tal-powerstation il-ġdida.
Marlene Farrugia speċifikat li fl-opinjoni tagħha, il-poplu mhux inkwetat għax inbidlu l-pjanijiet tal-Gvern, peress li l-kontijiet raħsu. Imma l-Ministru għandu jispjega ċar u tond x’ġie miftiehem, meta se jseħħ u kif dan se jrendi tajjeb lill-pajjiż.
Id-deputat Laburista qalet li Gvern ġdid Laburista kellu l-isfida quddiemu li mhux biss jassigura enerġija biżżejjed fil-pajjiż imma li jġib lill-Korporazzjoni Enemalta u dik tas-Servizzi tal-Ilma fuq saqajha wara li l-Gvernijiet taż-żewġ naħat, għal diversi snin, ħallewhom isiru ballun politiku. Il-konsegwenza, skont hi, kienet li ż-żewġ korporazzjonijiet akkumolaw dejn kbir.