Marki mill-ħallelin jew qed jiffissaw?

Huma ħafna dawk li fuq l-internet, b'mod partikolari fuq Facebook, qed itellgħu ritratti tal-intercoms tar-residenzi tagħhom u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, filwaqt li jittamaw li jsibu min jikkunslahom.
Hekk kif il-biża' qed tkompli tikber, bosta qed itellgħu messaġġi u ritratti fuq il-grupp The Salott fuq Facebook u gruppi oħra, fejn fost l-oħrajn qed tqum il-mistoqsija jekk hux qed jiffissaw fuq kwalunkwe marka li jsibu fuq l-intercom jew kaxxa tal-ittri.

Fuq Facebook residenta mis-Swieqi qalet li qed issir komuni li persuni jċemplu l-bibien tad-djar biex jiċċekkjaw x’ħinijiet id-djar huma vojta. Qalet li hemm min qed iċempel u jgħidu li huma mill-Enemalta u jgħidu li qed iċemplu biex jiċċekkjaw jekk l-elettriku hux qed jaħdem b'mod normali u jitolbuk titfi d-dawl kamra kamra. B’hekk huma jkollhom idea ta’ kif inhi mqassma d-dar. Wissiet lill-pubbliku biex joqgħod attent ħalli ma jkunux vittmi ta’ serq.

Sadanittant, Il-Pulizija qed tintensifika l-investigazzjonijiet dwar is-sinjali bil-lapes mal-intercom tal-bibien, li allegatament qed jagħmluhom irġiel x’aktarx Bulgari jew Rumeni bħala forma ta’ indikazzjoni lil grupp ta’ ħallelin għas-serq mir-residenzi privati.
Residenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li dan is-serq sar minn residenzi privati imma wkoll fuq persuni li kienu qed jimxu għall-affari tagħhom fit-triq u jisirqulhom il-basktijiet.
Iktar kmieni dil-ġimgħa saret laqgħa importanti bejn il-Pulizija u l-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema fejn saret diskussjoni fuq kif qed titmexxa l-investigazzjoni fuq ir-rapporti tas-serq f’din il-lokalità, f’San Ġiljan u s-Swieqi.