Apap Bologna jsir jaf li l-Electrogas qed tfalli mill-inkjesta pubblika

Paul Apap Bologna
Miguela Xuereb

Read in English.

L-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kompliet illum bix-xhieda ta’ Paul Apap Bologna, id-Direttur kurrenti tal-Electrogas.

Illum kellu jixhed ukoll Mark Gasan, il-Kap Eżekuttiv tal-Gasan Group, iżda hu se jixhed it-Tnejn li ġej minflok.

Il-konsorzju jinkludi wkoll it-Tumas Group, li kellu lil Yorgen Fenech bħala Kap Eżekuttiv meta l-Electrogas rebħet il-kuntratt fuq il-provvista tal-elettriku. Fenech tneħħa mir-rwol wara li ġie akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Il-Bord tal-Inkjesta kien xettiku fuq it-tweġiba ta’ Paul Apap Bologna li ltaqa’ ma’ Konrad Mizzi wara li l-Electrogas ħadet il-kuntratt għall-powerstation: “Kif seħħ daqshekk malajr il-proġett wara li tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern?”
  • Paul Apap Bologna insista li qatt ma ddiskuta l-proġett mal-Partit Laburista.
  • Ix-xhud qal li Yorgen Fenech kien fit-tmun tal-proġett tal-Electrogas, peress li kien imdorri jmexxi proġetti kbar.
  • Id-diskussjonijiet fuq il-proġett tal-Electrogas ġew konklużi f’6 ġimgħat.
  • Ix-xhud jgħid li fl-2007 u fl-2008, hu u l-familja Gasan biss kienu interessati fil-proġett. Lil Yorgen Fenech bilkemm kien jafu.
  • Paul Apap Bologna qal li sar jaf bil-kuntatt li kellu Yorgen Fenech ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi meta ħadu l-kuntratt għall-powerstation.
  • Qal li saru jafu bl-email leaks mis-server tal-Electrogas fis-27 ta’ Diċembru tal-2017. Sal-lum għadhom ma jafux min kien li żvela dawn l-emails. Il-Bord ma emminx lix-xhud peress li Daphne Caruana Galizia, li nqatlet f’Ottubru tal-2017, ġieli qalet fil-blogg tagħha li kellha aċċess għal xi emails li ġew leaked.
  • Il-bord tal-Electrogas kien staqsa lil Yorgen Fenech huwiex is-sid ta’ 17 Black, imma ma tahomx tweġiba, skont Apap Bologna.
  • “Lil Fenech ma staqsejtux għaliex irreżenja minn Direttur tal-Electrogas.”
  • Il-Bord tal-Electrogas iddeċieda li jżomm lil Nexia BT għall-awditjar ta’ GEM Holdings wara l-allegazzjonijiet għax il-kumpanija kienet qed tagħmel biċċa xogħol tajba.
  • Joħroġ li Apap Bologna ma kienx jaf li l-Electrogas qed tfalli (in default); sar jaf mill-mistoqsija ta’ Dr Comodini Cachia.
  • “Gasan ma infurmaniex bl-intenzjoni li joħorġu mill-konsorzju qabel ħareġ l-istqarrija.”
  • Skont il-mudell finanzjarju meta kien għadu direttur Yorgen Fenech, l-Electrogas kellha tagħmel profitt fl-2023.
  • Apap Bologna qal li ma kienx jaf u ma attendiex il-laqgħat bejn Yorgen Fenech, Joseph Muscat u Joe Gasan f’Level 22 qabel Jannar tal-2013. Gasan Group ħareġ stqarrija aktar tard li tiċħad dawn il-laqgħat.
  • Ix-xhud ċaħad li hu ta donazzjoni ta’ miljun ewro lill-Partit Laburista.
12:45 Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
12:45 Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin tas-seduta fl-artiklu.
Sephora Francalanza
12:44 Grazzi talli segwejtuna! Nerġgħu nkunu magħkom bi blogg ieħor dirett mill-qorti nhar it-Tnejn li ġej fid-9.30am, meta se jixhed Mark Gasan mill-Gasan Group.
Sephora Francalanza
12:43 Is-seduta se tkompli bil-magħluq.
Sephora Francalanza
12:40 Il-midja tintalab toħroġ mill-awla għal ftit minuti.
Sephora Francalanza
12:40 Apap Bologna jinżel mill-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
12:38 L-Imħallef Abigail Lofaro tgħid li s-Sur Paul Apap Bologna se jintalab jerġa' jixhed f'din l-inkjesta billi jrid jivverifika ċerti affarijiet li ma kienx ċert minnhom illum.
Sephora Francalanza
12:34 Jgħid li ma ltaqax miegħu, imma kien jaf li żar Malta.
Sephora Francalanza
12:34 L-Avukat Jason Azzopardi issa jistaqsih jekk iltaqax mad-Direttur ta' Siemens din il-ġimgħa.
Sephora Francalanza
12:33 Mistoqsi għal darba darbtejn jekk tax donazzjoni ta' €1 miljun lill-Partit Laburista, Paul Apap Bologna jiċħad. Jgħid li hu żgur mit-tweġiba tiegħu.
Sephora Francalanza
12:33 Mistoqsi jekk Yorgen Fenech qatt semmilux min hu sid Macbridge, Apap Bologna jgħid le.
Sephora Francalanza
12:33 L-Imħallef Lofaro tgħidlu mill-ġdid li ma tistax twissih biżżejjed biex joqgħod attent kif iwieġeb.
Sephora Francalanza
12:32 Azzopardi jistaqsi jekk il-Ministru Edward Zammit Lewis ippjanax laqgħat bejn Apap Bologna u Joseph Muscat.

Ix-xhud jgħid le.
Sephora Francalanza
12:29 Dr Azzopardi jistaqsi kif Konrad Mizzi ħareġ bil-prezz eżatt ta' kemm se jiswa l-proġett f'Jannar tal-2013. Jgħid lix-xhud biex ma jgħidlux jistaqsi lil Mizzi nnifsu.

Apap Bologna jitbissem u jgħid li ma jafx.
Sephora Francalanza
12:28 Ix-xhud jgħid li jrid jiċċekkja dwar dan.
Sephora Francalanza
12:27 Dr Azzopardi jikkwota artiklu mill-blogg ta' Daphne Caruana Galizia fuq l-assiguranza tal-proġett, li ddum madwar sena biex titlesta.

Jikkummenta fuq kif qabel Jannar tal-2013, Apap Bologna jgħid li ma kkomunikax mal-Partit Laburista. F'April tal-2013, ġiet ippubblikata s-sejħa għall-interess.

"Kif jista' jkun li rnexxielkom tirranġaw kollox fi żmien daqshekk qasir?" jistaqsi l-avukat.
Sephora Francalanza
12:19 Apap Bologna, b'mod evażiv, jgħid li din kumpanija li tiffoka fuq proġetti infrastrutturali.
Sephora Francalanza
12:18 "Kif wieħed mill-partners ewlenin kellu diffikultajiet finanzjarji?" jistaqsi Azzopardi b'referenza għal Gasol.
Sephora Francalanza
12:17 Isemmi kif fil-bidu tal-2014, kien diġà hemm dubji fuq il-finanzjament ta' dan il-proġett.
Sephora Francalanza
12:17 Dr Azzopardi qed jaqra fuq il-ftehim tal-finanzjament.
Sephora Francalanza
12:17 Apap Bologna jgħid li saru jafu bis-sitwazzjoni finanzjarja ta' Gasol fil-bidu tal-2014, imma jrid jiċċekkja dwar dan.
Sephora Francalanza
12:15 Issa jistaqsi jekk Electrogas iddiskutietx li l-unika għażla kkunsidrata kienet se tkun 'il barra mix-xtut Maltin.

Apap Bologna jgħid li ma jiftakarx.
Sephora Francalanza
12:14 L-avukat jistaqsi lix-xhud jekk hu kienx jaf b'diskussjonijiet mal-Enemalta peress li s-sejħa għall-interess mill-Enemalta ħarġet xahar biss wara l-elezzjoni tal-2013.

Apap Bologna jgħid li le, ma kienx jaf.
Sephora Francalanza
12:11 Azzopardi jgħid lil Apap Bologna li hu kkonferma fil-preżentazzjoni tal-Electrogas li l-Gvern ried jiggarantixxi li l-istandards tal-Enemalta jiltaqgħu mal-istandards internazzjonali bbażati fuq pagament li jsir fuq kemm ikun disponibbli, fost l-oħrajn.
Sephora Francalanza
12:05 Azzopardi jgħid li hu fatt magħruf li qabel Jannar tal-2013, kien hemm laqgħat f'Level 22 f'Portomaso bejn Joseph Muscat, Joe Gasan u Yorgen Fenech.

Apap Bologna jgħid li la kien preżenti u lanqas kien jaf b'dawn il-laqgħat.

Fi stqarrija, Joe Gasan irrefera għal dak li ntqal fil-Qorti u ddikjara li dan huwa assolutament falz u qatt ma seħħ. Żied jgħid li laqgħat ta' dan it-tip qatt ma kienu ppjanati jew saru minnu. Din hija fabrikazzjoni assoluta.
Sephora Francalanza
12:03 L-Imħallef Lofaro tgħid li ilha tfakkru waqt is-seduta kollha.
Sephora Francalanza
12:02 Dr Azzopardi jfakkar lix-xhud biex joqgħod attent xi jgħid, billi fil-jiem li ġejjin se toħroġ informazzjoni mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:02 L-Imħallef Lofaro tikkummenta li hu kien offra li jieħu post Fenech.
Sephora Francalanza
12:00 Jistaqsi lil Paul Apap Bologna min iddeċieda li jagħmlu direttur wara li rreżenja Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:59 Jibda jistaqsi l-mistoqsijiet Dr Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:59 L-Imħallef Lofaro tfakkru li qiegħed bil-ġurament.
Sephora Francalanza
11:56 Paul Apap Bologna jerġa' jitla' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
11:56 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol lura fl-awla.
Sephora Francalanza
11:45 Jidher li Mark Gasan mhux se jixhed illum, imma nhar it-Tnejn li ġej.
Sephora Francalanza
11:45 L-Avukat Jason Azzopardi jitlob pawża ta' ħames minuti.
Sephora Francalanza
11:45 L-Imħallef Lofaro tikkummenta b'mod sarkastiku, "Dażgur li sirt taf mill-midja."
Sephora Francalanza
11:42 Jgħid li ma kienx jaf li Fenech kellu l-intenzjoni li jidħol għal proġett simili fil-Bangladesh. Sar jaf dwar dan mill-midja.
Sephora Francalanza
11:42 Fl-2023, iwieġeb ix-xhud.
Sephora Francalanza
11:40 Comodini Cachia tistaqsi, "Skont il-mudell finanzjarju, meta kellkom tagħmlu profitt mill-proġett meta Fenech kien għadu direttur?"
Sephora Francalanza
11:37 Apap Bologna jgħid li s-Sur Gasan ma infurmahomx bl-istqarrija li kienu se joħorġu li huma se joħorġu mill-konsorzju tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
11:37 Ix-xhud jidher anzjuż.
Sephora Francalanza
11:35 "Din bluha," jikkummenta l-Avukat Jason Azzopardi.
Sephora Francalanza
11:35 Il-Bord tal-Inkjesta huwa perpless bit-tweġiba ta' Paul Apap Bologna.
Sephora Francalanza
11:35 Joħroġ li sar jaf dan issa, fil-qorti, mill-mistoqsija tal-Avukata Therese Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
11:33 Ix-xhud hu mistoqsi kienx konxju li l-kumpanija tiegħu qiegħda tfalli (in default).

Jgħid li ma kienx, għax is-sitwazzjoni finanzjarja tieħu ħsiebha kumpanija oħra.
Sephora Francalanza
11:28 Jgħid li dak iż-żmien ma kienx id-direttur, allura m'għandux din l-informazzjoni.
Sephora Francalanza
11:26 L-avukata issa tistaqsih meta akkwista l-garanzija tal-Istat għal dan il-proġett.
Sephora Francalanza
11:24 Tkompli tistaqsi jekk hemmx emails dwar dan li hu inkluż fihom u Mark Gasan mhuwiex.

Ix-xhud jgħid li jrid jiċċekkja.
Sephora Francalanza
11:23 Dr Comodini Cachia issa tistaqsi kif l-eks Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi nnegozja ftehim għall-Enemalta biex din tassorbi €5 miljun fit-taxxa tas-sisa li kellha tħallas l-Electrogas.
Sephora Francalanza
11:23 Aqraw x'qal eżatt Matthew Caruana Galizia minn hawnhekk:

newsbook.com.mt/gvern-u-electrogas-kellhom-hafna-xjitilfu-kieku-daphne-baqghet-hajja-ifakkar-binha/
Sephora Francalanza
11:20 Daphne u binha Matthew Caruana Galizia t-tnejn kienu qed jaħdmu fuq il-leak tal-emails tal-Electrogas.

F'Awwissu, huwa semma x-xenarji li setgħu ġraw li kieku ppubblikaw l-istejjer li kienu qed jaħdmu fuqhom u żvelaw li 17 Black kienet il-kumpanija tad-Direttur tal-Electrogas, u li aktar minn hekk, il-Ministru tal-Enerġija kien ixxaħħam.
Sephora Francalanza
11:20 L-Imħallef Lofaro tgħidlu li jidher li mhux imħasseb biżżejjed fuq din il-kwistjoni. Hu jgħid li kien u għadu mħasseb ħafna fuq dan.
Sephora Francalanza
11:19 Apap Bologna jgħid li din akkuża inġusta fil-konfront tal-kumpanija.
Sephora Francalanza
11:17 Il-Bord tal-Inkjesta jgħid li x'aktarx li kieku ma nqatlitx Daphne, kienet tippubblika informazzjoni li rċeviet fuq l-Electrogas u l-konsorzju magħżul mill-Gvern kien jispiċċa likwidat.
Sephora Francalanza
11:13 Il-Bord issa jistaqsi għaliex Electrogas ma kinitx qed tagħmel profitti.
Sephora Francalanza
11:13 Apap Bologna jgħid li dan ġie diskuss fil-bord, u ddeċidew li Nexia BT kienet qed tagħmel biċċa xogħol tajba, allura qablu li jżommu dil-kumpanija.
Sephora Francalanza
11:11 L-avukata tistaqsih għaliex tal-anqas ma biddilx id-ditta tal-awditjar ta' GEM Holdings, wara li ħarġu allegazzjonijiet fuq Nexia BT u l-Bank Pilatus.
Sephora Francalanza
11:11 Apap Bologna jwieġeb b'mod evażiv u jgħid li diġà qal li jrid jiċċekkja xi affarijiet.
Sephora Francalanza
11:11 "Imma Gasan imxew mod ieħor fir-rigward tas-sitwazzjoni, għaliex int le?" tistaqsi l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
11:10 "Qrajt tant affarijiet fil-gazzetti, x'għamilt?" tistaqsi l-avukata.

"L-allegazzjonijiet kollha saru meta l-proġett kien diġà għaddej," iwieġeb ix-xhud.
Sephora Francalanza
11:09 L-avukata tikkummenta li Nexia BT kienet il-kumpanija li għamlet l-awditjar għal GEM Holdings.
Sephora Francalanza
11:08 L-Avukata Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud kemm ilu jaf lil Brian Tonna minn Nexia BT.

Apap Bologna jgħid li ltaqa' miegħu ftit drabi.
Sephora Francalanza
11:05 L-Avukat Charles Mercieca, mid-Difiża ta' Yorgen Fenech, għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
11:03 Jgħid li bħala diretturi, kellhom l-obbligu li jwettqu dan.
Sephora Francalanza
11:03 Il-PWS irrakkomandatilhom li jagħmlu awditjar mil-lat finanzjarju u mil-lat forensiku.
Sephora Francalanza
11:03 "Infaqna ħafna flus fuq investigazzjoni fuq l-Electrogas. Għamilna rapport sħiħ mill-ewwel ġurnata tal-proġett u ma nstab l-ebda tbagħbis," jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
11:00 Comodini Cachia tistaqsih jekk ikkomunikax ma' Socar dwar Musayev. Kellek żewġ diretturi involuti fl-allegazzjonijiet, tgħidlu l-avukata.
Sephora Francalanza
10:57 Ix-xhud jgħid li wara r-riżenja tiegħu, qatt ma tkellem ma' Turab Musayev.
Sephora Francalanza
10:56 Dr Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud kienx konxju ta' dak li kien qed jiġri f'Malta f'Diċembru tal-2019. Tistaqsih kienx hemm korrispondenza tar-reżenja ta' Yorgen Fenech.

Iwieġeb li jrid jiċċekkja fuq dan.
Sephora Francalanza
10:53 "Dażgur li kienet kwistjoni ta' tħassib," iwieġeb.
Sephora Francalanza
10:53 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsih kienx jinteressah li jsir jaf jekk 17 Black kinitx finanzjata mit-taxxi tan-nies.
Sephora Francalanza
10:52 "Kienet biss akkuża mill-midja," iwieġeb Apap Bologna.
Sephora Francalanza
10:51 Comodini Cachia tistaqsih kienx inkwetat fuq ir-reputazzjoni tan-negozju tiegħu wara li kien hu li ħatar lil Yorgen Fenech direttur tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
10:50 "Suppost aktar tħassibtu mela," tikkummenta l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
10:49 Il-bord tal-Electrogas kien staqsa lil Yorgen Fenech huwiex is-sid ta' 17 Black, imma ma tahomx tweġiba, skont Apap Bologna.
Sephora Francalanza
10:48 Il-Bord tal-Inkjesta jistaqsi lix-xhud kienx konxju li Fenech kien is-sid ta' 17 Black.

Jgħid li sar jaf meta dan ġie rrappurtat fil-midja.
Sephora Francalanza
10:48 "Ma staqsejtux għaliex? Ħa l-proġett tiegħek għax skontok, hu kien aktar esperjenzat, imma meta rreżenja ma staqsejtux għaliex?" tistaqsi Dr Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
10:47 Ix-xhud laħaq Direttur tal-Konsorzju f'Novembru tal-2019, wara r-reżenja ta' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
10:46 Il-Bord ifakkar lix-xhud li hu qiegħed bil-ġurament.
Sephora Francalanza
10:45 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jistaqsi, "Tippretendi li se nemmnu li bl-involviment tiegħek fil-proġett u b'dak kollu li Daphne kienet qed tikteb fuq l-Electrogas li kont taqra l-blogg tagħha xi kultant biss?"
Sephora Francalanza
10:45 L-Imħallef Lofaro tistaqsi lix-xhud jekk qattx qara l-blogg ta' Daphne.

"Xi kultant, iva," jgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
10:43 Il-Bord jistaqsi lil Apap Bologna kif inhu possibbli li saru konxji bl-emails leaked f'Diċembru tal-2017 meta Daphne Caruana Galizia nqatlet f'Ottubru tal-istess sena u kienet diġà semmiet fl-artikli tagħha li kien hemm emails mill-Electrogas li nkixfu.
Sephora Francalanza
10:37 Meta ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers, iċċekkjaw biex jikkonfermaw jekk sarux xi tranżazzjonijiet, u sabu li ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni.
Sephora Francalanza
10:35 Jgħid li saru jafu bl-email leaks mis-server tal-Electrogas fis-27 ta' Diċembru tal-2017. Sal-lum għadhom ma jafux min kien li żvela dawn l-emails.
Sephora Francalanza
10:35 "Il-Panama Papers kienu ta' tħassib għalina wkoll," iżid jgħid.
Sephora Francalanza
10:35 Apap Bologna jgħid li meta ħarġu l-allegazzjonijiet fuq 17 Black, kellhom board meeting.
Sephora Francalanza
10:34 Comodini Cachia tistaqsi kienx hemm awditjar intern meta bdew ħerġin il-konnessjonijiet bejn 17 Black u Electrogas.
Sephora Francalanza
10:31 Jgħid li ma kienx jaf. Sar jaf meta ħadu l-kuntratt.
Sephora Francalanza
10:30 "Kont taf li kellu kuntatti ma' Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi?" tistaqsi l-Imħallef.
Sephora Francalanza
10:29 L-Imħallef Lofaro tintervjeni billi tistaqsi, "Jiġifieri fl-2007 u fl-2008 meta Fenech ma kienx involut, kont int l-espert?"
Sephora Francalanza
10:28 Dr Comodini Cachia tistaqsi għaliex Yorgen Fenech kien qed imexxi l-proġett.

Apap Bologna jwieġeb li fejn jidħol l-immaniġġjar ta' proġetti kbar, Fenech għandu aktar esperjenza minnu.
Sephora Francalanza
10:25 Ix-xhud jgħid li fl-2007 u fl-2008, hu u l-familja Gasan biss kienu interessati fil-proġett. Lil Yorgen Fenech bilkemm kien jafu, u hu jiġi mill-familja Gasan.
Sephora Francalanza
10:23 Jikkonferma li din hi l-istess preżentazzjoni li wera t-tim tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
10:23 Dr Comodini Cachia tgħaddi preżentazzjoni lix-xhud.
Sephora Francalanza
10:22 Tistaqsih jeskludix li semma l-proġett lil Joseph Muscat meta ltaqa' miegħu xi darbtejn f'okkażjonijiet soċjali.

Ix-xhud itenni li hu qatt ma ddiskuta l-proġett mal-Partit Laburista.
Sephora Francalanza
10:21 Issa tibda tistaqsi l-mistoqsijiet l-Avukata Therese Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
10:20 Il-Bord jistaqsi jekk is-sejħa għall-interess saritx apposta b'Electrogas fi ħsiebhom.

Ix-xhud jgħid li ma jaqbel xejn ma' dak li qed jiġi implikat.

"Forsi għamluha minn wara dahrek," tgħidlu l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
10:18 L-Imħallef tistaqsih biex tikkonferma jekk il-proposta preżentawhiex f'sitt ġimgħat.

Iwieġeb li l-proposta ġiet preżentata fl-istess żmien li preżentawha t-18-il kumpanija oħra li applikaw għall-kuntratt.
Sephora Francalanza
10:17 L-Imħallef Lofaro tistaqsih kienx kuntent bl-involviment tal-Ażerbajġan fil-proġett.

"Negozjanti taż-żejt," iwieġeb ix-xhud.
Sephora Francalanza
10:16 Jgħid li kkuntattjaw lill-PWC u kien hemm kumpaniji serji involuti f'dan il-proġett.
Sephora Francalanza
10:15 Id-diskussjonijiet ġew konklużi f'sitt ġimgħat.
Sephora Francalanza
10:14 Apap Bologna jgħid li tkellmu ma' EDF peress li kuġin tiegħu jaħdem hemm.

Iltaqgħu ma' Siemens f'Malta permezz ta' Gasol, u anke Socar permezz ta' Gasol, spjega x-xhud.
Sephora Francalanza
10:12 Ix-xhud jidher daqsxejn nervuż hu u jwieġeb il-mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
10:11 Jinsisti li ma kienx jaf bil-konnessjonijiet ta' Fenech. L-Imħallef Lofaro tgħidlu li dan l-aġir kemxejn naive.
Sephora Francalanza
10:10 Li hu fiċ-ċert, jgħid ix-xhud, hu li Yorgen Fenech kien qed imexxi l-proġett.
Sephora Francalanza
10:07 Paul Apap Bologna jgħid li qatt ma ltaqa' ma' Joseph Muscat.

L-Imħallef Lofaro tistaqsi kif dan jista' jkun possibbli: "Kien fl-interess tiegħek li tiltaqa' mal-Prim Ministru futur."

"Kellha ssir l-elezzjoni biex jintgħażel bħala Prim Ministru," iwieġeb Apap Bologna.
Sephora Francalanza
10:05 George Fenech ikkuntattja lil Joe Gasan għax kienu jitkellmu ta' sikwit minħabba negozji li kienu mdaħħlin fihom it-tnejn li huma.
Sephora Francalanza
10:04 Iżid jgħid li ltaqa' ma' Yorgen Fenech dwar dan il-proġett f'nofs Jannar tal-2013.

Imbagħad tkellem ma' missier Yorgen, George. Wara, ikkuntattjaw lil Joe Gasan biex jaraw jekk Gasan kinux għadhom interessati fil-proġett.
Sephora Francalanza
10:02 L-Imħallef Abigail Lofaro twissi lix-xhud biex joqgħod attent meta jwieġeb il-mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
10:01 Ix-xhud jgħid li ltaqa' ma' Konrad Mizzi l-ewwel darba wara li ħadu l-kuntratt.
Sephora Francalanza
10:00 Il-kumpaniji internazzjonali l-oħra ma baqgħux parti mit-tim, l-unika kumpanija li kien fadal kienet Gasol, skont Apap Bologna.
Sephora Francalanza
09:59 "Diffiċli nemmnuk fuq din – kif seħħ proġett bħal dan daqshekk malajr wara li tela' l-Partit Laburista fil-Gvern?" jistaqsi l-Bord.
Sephora Francalanza
09:58 Il-Bord jistaqsih kienx iltaqa' ma' Konrad Mizzi qabel l-elezzjoni biex jiddiskutu l-proġett. Apap Bologna jwieġeb li ma jidhirlux.
Sephora Francalanza
09:58 L-espressjoni ta' interess ġiet preżentata wara l-elezzjoni tal-2013.
Sephora Francalanza
09:56 Il-preżentazzjoni li saret lill-Gvern Laburista kellha xi kunċetti differenti mill-proposta preżentata lill-Gvern Nazzjonalista.
Sephora Francalanza
09:55 Ix-xhud jgħid li min-naħa tagħhom bħala tim, ippreżentaw l-istess ħaġa bl-istess dettalji lill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Lawrence Gonzi, lill-Ministru tal-Ambjent, lill-Ministru tal-Infrastruttura u anke lill-ERA.
Sephora Francalanza
09:51 Imbagħad George Fenech kellem lil Gasan fuq dal-proġett.
Sephora Francalanza
09:50 Kien iddiskuta dal-proġett ma' Yorgen Fenech. Jgħid li lill-familja Fenech jafha, xtara l-ewwel dar tiegħu mingħandhom. Spjega li billi huma involuti fi proġetti kbar, kienet tagħmel sens li jkellem lil Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
09:49 Kien John Dalli li introduċieh mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Sephora Francalanza
09:49 F'dak l-istadju ma tkellimx mal-Oppożizzjoni, li kienet il-Partit Laburista, fl-ebda stadju fil-fatt.
Sephora Francalanza
09:48 Iżid jgħid li kien proġett tajjeb ħafna għal Malta, li kellu jwassal għal inqas emissjonijiet, u jaffettwa t-tariffi tal-elettriku. Madankollu, il-Ministru responsabbli għall-ambjent dak iż-żmien, ma kienx attenda l-laqgħa.
Sephora Francalanza
09:46 Apap Bologna jispjega li fl-2007 u fl-2008 preżentaw proġett fuq kif tiġi ġġenerata l-enerġija f'Malta b'mod affordabbli lill-Gvern. Il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien kien qabel li kienet idea tajba, u li LNG hu l-aħjar mod 'il quddiem għas-settur tal-enerġija.
Sephora Francalanza
09:43 Beda jinteressa ruħu fis-settur tal-enerġija fl-2007.
Sephora Francalanza
09:42 Isemmi kif għandu ħabib fir-Renju Unit midħla tas-settur tal-enerġija.
Sephora Francalanza
09:40 L-interessi tiegħu fin-negozju nbidlu tul is-snin.
Sephora Francalanza
09:40 Qatta' l-maġġorparti ta' ħajtu fir-Renju Unit u ħafna minn ħbiebu joqogħdu barra minn Malta.
Sephora Francalanza
09:39 Apap Bologna jgħid li kiseb l-edukazzjoni tiegħu minn barra minn Malta.
Sephora Francalanza
09:39 Il-Bord jitolbu jagħti sommarju tal-interessi tiegħu fin-negozju tul is-snin.
Sephora Francalanza
09:37 L-ewwel xhud huwa Paul Apap Bologna.
Sephora Francalanza
09:35 Illum mistennija jixhdu Paul Apap Bologna u Mark Gasan mill-konsorzju tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
09:35 Il-Bord tal-Inkjesta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
09:31 Bonġu, nilqgħukom għal dan il-blogg live minn awla 20.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Is-Supretendent George Cremona qal li missier Fenech, li hu mejjet, kellu jirċievi munizzjon u arma tan-nar b’silencer mid-dark web; il-Pulizija saret taf f’Settembru tal-2019.
  • Fl-2017, il-Bord tal-Accountancy ma ħax azzjoni kontra Brian Tonna u Nexia BT għax l-AĠ tahom parir jistennew li jintemmu l-proċeduri kriminali.
  • Fil-fehma tal-Bord tal-Inkjesta, Brian Tonna u Karl Cini messhom ġew sospiżi mill-Bord tal-Accountancy malli ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers.
  • Matthew Caruana Galizia ppreżenta nota li kitbet ommu Daphne li fiha ssemmi kif l-eks Ministru Tonio Fenech kien intalab ikun fuq il-Bord tal-Bank Pilatus imma kien irrifjuta. Skont Caruana Galizia, l-għan li jkun hemm eks Ministru fuq dan il-Bord kien biex ikun diffiċli għall-Oppożizzjoni li tinvestiga u tirrapporta fuq il-Bank Pilatus.
  • Emails bejn Henley & Partners u Joseph Muscat u Keith Schembri biex tittieħed azzjoni kontra Daphne Caruana Galizia fir-Renju Unit: “Do you agree with the call for action” It-tweġiba ta’ Schembri hija, “Good job Chris.”
  • Emails oħrajn isemmu kif kienu qed jippjanaw li jieħdu azzjoni kontra Daphne Caruana Galizia u Jason Azzopardi.