Marion Pace Asciak tirriżenja mill-kariga tagħha fil-PN

Il-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN), Marion Pace Asciak, irriżenjat mill-kariga tagħha, iżda ma riditx tagħti dettalji għala għamlet dan.
Kienet Pace Asciak stess li kkonfermat din ir-riżenja wara mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt Ir-riżenja tagħha mill-Moviment Nisa tal-Partit Nazzjonalista tfisser li hija anke irriżenjat mill-Amministrattiv u mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, peress li postha f’dawn il-kumitati kien riżultat tal-post tagħha fl-MNPN.
Mistoqsija għar-raġuni tar-riżenja, l-ekspresident tal-MNPN qalet li mhux se tgħid fil-pubbliku, iżda li l-amministrattiv tal-partit jaf ir-raġuni jew raġunijiet kollha li wassluha biex ittemm il-kariga tagħha.
Sorsi qrib il-PN qalu li Pace Asciak irriżenjat għax mhux qed tħossha komda li taħdem fis-sitwazzjoni preżenti tal-PN.
Madankollu Pace Asciak żiedet tgħid li għadha tesserata, u ma teskludix li tikkontesta għal kariga oħra fil-ġejjieni.