Mario Grima huwa r-raġel li miet f’inċident fil-Munxar

Read in English.

Mario Grima huwa r-raġel li tilef ħajtu fl-għalqa tiegħu lbieraħ fil-Munxar.

Dan tħabbar mis-Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin permezz ta’ post fuq Facebook. L-għaqda spjegat kif Grima kien parruċċan kbir li jinteressa ruħu ferm fil-festa tagħhom, speċjalment fejn jidħol il-logħob tan-nar. Spjegat li Grima kien ikun minn tal-ewwel biex sena wara oħra jagħti d-donazzjonijiet tiegħu u jgħin b’ruħu u ġismu fil-ħruq tal-logħob tan-nar.

Fi stqarrija kien spjegat li r-raġel ta’ 63 sena residenti l-Munxar instab mejjet f’għalqa fi Triq Ras il-Bajjad għall-ħabta tad-9pm. Ir-raġel instab mill-pulizija taħt tractor maqlub waqt li kienu għaddejjin bit-tfittxija għalih minħabba li xi sagħtejn qabel kien irrappurtat nieqes. Hu kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.