Awdjo: Mario de Marco jikkontesta għal Kap … il-PN irid ikun bennej ta’ pontijiet mas-soċjetà

L-Avukat Mario de Marco għadu kemm tefa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Wara li għadda n-nomina lis-Segretarju Ġenerali Paul Borg Olivier, Dr de Marco qal li dan hu mument delikat għall-Partit Nazzjonalista u importanti li l-kunsilliera jkollhom għażla wiesa ta’ potenzjali differenti li jeżisti fil-Partit.

Qal li l-ġimgħat li ġejjin għandhom ikunu ġimgħat ta’ għaqda u li hu żgur hu li wara li ssir l-elezzjoni, kulħadd għandu jingħaqad wara l-persuni eletti.

Dr de Marco iddeskriva l-għażla li jikkontesta bħala diffiċli għaliex minbarra li huwa politiku huwa wkoll missier ta’ familja b’żewġt itfal żgħar.  Sostna li l-ħajja pubblika għandha prezz u ta’ dan ħafna drabi jħallsu l-familjari.

Semma l-kontribut li ta lill-Partit Nazzjonalista tul dawn l-aħħar snin, sa minn meta kien ittesserat sa meta kien Ministru tat-Turiżmu.

Qal li jifhem li l-politika għandha tkun għan-nies u tkun pożittiva.  Sostna li n-nies trid inqas politika fil-ħajja ta’ kuljum imma iktar politika effettiva.

Kompla jgħid li din mhix elezzjoni ta’ individwu imma elezzjoni ta’ persuna li kapaċi tgħaqqad il-partit u jiftaħ il-bibien għal kulħadd u għal kull idea.

Saħaq li l-PN irid ikun il-bennej ta’ ponitjiet mas-soċjetà li dejjem qed tinbidel u jkun konxju tal-bżonnijiet tagħha.

Għada waranofsinhar De Marco se jkun qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha se jagħti iktar dettalji.