Ix-xbieha inkurunata tal-Madonna ta’ Fatima fil-Vatikan

Fil-Vatikan waslet l-istatwa inkurunata tal-Madonna ta’ Fatima miġjuba apposta mis-Santwarju tagħha fil-Portugal fuq talba tal-Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-Ġurnata Marjana fis-Sena tal-Fidi.

Fl-Ajruport ta’ Fiumicino laqgħu l-istatwa l-Isqof Monsinjur Rino Fisichella, li huwa l-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizazzjoni l-ġdida.

Max-xbieha waslet ukoll il-kuruna tal-istess statwa li tista’ titqies bħala relikwa. Dan għax fiha hemm il-bulit li kien sparat lill-Beatu Papa Ġwanni Pawlu ll fl-attentat tat-13 ta’ Mejju tal-1981

Iktar tard wara nofsinhar, il-Pjazza ta’ San Pietru nbiddlet f’Santwarju Marjan hekk kif numru ta’ pellegrini laqgħu l-istatwa fil-Vatikan. Mal-wasla tax-xbieha l-pellegrini bdew ixejru mkatar bojod, tislima lill-Madonna li hija tradizzjoni ġewwa Fatima.

Il-Papa Franġisku ngħaqad ukoll mal-pellegrini u mexxa katekeżi Marjana. Huwa tkellem fuq id-dnub u l-konsegwenzi li jġib miegħu  Huwa appella lill-insara biex fil-mumenti tad-dwejjaq u tan-niket iduru lejn Marija li “tgħinna nħollu l-għoqiedi tal-ħajja.”

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet mistennija jilħqu l-qofol tagħhom għada b’quddiesa mmexija mill-Papa Franġisku li fit-tmiem tagħha se jikkonsagra lill-umanita’ lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

Intant il-Papa Emeritu Benedittu Sittax ukoll kellu ċ-ċans li jitlob quddiem ix-xbieha tal-Madonna hekk kif ittieħdet apposta għalih fil-Monasteru “Mater Ecclesia.”

Kif tistgħu ssegwu mir-ritratti, grupp ta’ pellegrini mis-Santwarju tal-Madonna tal-Pinu jinsabu Ruma biex jirrapreżentaw lill-gżejjer Maltin f’din il-Ġurnata Marjana.