Marija l-Maltija llum tagħlaq 46

Bħal-lum 46 sena Malta ħadet sehem l-ewwel darba fil-Eurovision Song Contest.
Il-festival kien sar fit-3 ta’ April 1971 fl-Irlanda.
Joe Grech kien kanta l-kanzunetta Marija l-Maltija.
Dik is-sena fil-festival kien hemm ukoll Massimo Ranieri jieħu sehem għall-Italja u l-edizzjoni ntrebħet minn Monaco.
Fil-filmat esklussiv f’din l-intervista Joe Grech jaqsam il-memorji li għandu ta’ dak il-jum u juri ritratti li s’issa qatt ma dehru fil-pubbliku.
Jgħid li Marija l-Maltija, kontra dak li jaħsbu ħafna ma kinetx mara imma tifla żgħira.
Għalkemm fil-kanzunetta jgħid li kellha għajnejha blu, fil-verita kellha għajnejha kannella. Daħħal il-kelma blu peress li xtaq li nazzjonijiet oħrajn li jaraw il-Eurovision jifhmu l-kelma u japprezzaw aktar is-sabiħ tal-Malti.
Fatt kurjuż ieħor hu li l-kanzunetta nkitbet f’10 minuti fuq puntal fid-Dockyard, il-post fejn kien jaħdem Joe Grech.
Il-kantant jispjega ukoll kif minkejja ħafna jaħsbu li l-ewwel darba li Malta uriet interess fil-Eurovision kien fl-1971, dan żball.
Grech jispjega kif sa minn kmieni ħafna fl-1960, 4 snin wara li beda l-Eurovision, il-knisja permezz taż-żgħażagħ ħaddiema Nsara kienu applikaw għall-Eurovision imma l-applikazzjoni waslet tard.
Kieku l-applikazzjoni ġiet aċċettata, xorta waħda kien ikun Joe Grech li kien jirrappreżenta lil pajjiżna peress li fl-1960 kien hu li rebaħ il-Malta Song Festival.
Dik is-sena kien rabaħ bil-kanzunetta Vola Uccellino li matulha kien itajjar għasfur tal-bejt fis-sala fuq in-nies.
Newsbook.com.mt jibqa’ jaġġornak bl-aħħar żviluppi dwar il-Eurovision.