Filmat: “Marija l-kewkba li tagħtina t-tama, anke f’pandemija” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra l-quddiesa tal-festa ta’ Marija Bambina llum u fakkar li hija sservi ta’ kewkba li tagħtina t-tama anke meta nkunu ġo wied tad-dmugħ bħalma hija l-pandemija tal-coronavirus.

Il-Quddiesa Pontifikali saret fil-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, in-Naxxar, fil-festa tat-twelid tal-Verġni Marija.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof iffoka fuq it-tifsira tal-isem Marija, jew Miriam, verżjoni oħra tiegħu. Spjega li wħud jgħidu li ġej mill-Eġizzjan antik, u baqa’ isem għażiż ħafna minkejja li l-poplu Lhudi kien eżiljat fl-Eġittu. Huwa qal li t-tifsira ta’ dan l-isem hija ta’ qatra fil-baħar, u jfisser ukoll frott il-hemm.

Mons. Scicluna qal li dan juri kemm Marija hija sinjal ta’ tama f’baħar ta’ inkwiet u ta’ mrar, għaliex tfakkar lill-bnedmin li Alla huwa ħniena u mħabba. Apparti hekk, hija kienet il-magħżula biex tiled lil Ġesù, u tagħtih lill-bnedmin, u permezz t’hekk, “tibdel baħar mielaħ f’baħar ħelu ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni.”

L-Arċisqof qal li f’din is-sitwazzjoni ta’ pandemija għandna nitolbu lill-Madonna għall-interċessjoni tagħha biex niġbdu ħabel wieħed u ma naqtgħux qalbna. Madankollu, fakkar li l-Madonna ma tagħmilx maġija, imma tgħin lil min jgħin lilu nnifsu. Għalhekk, huwa appella lil kulħadd sabiex ikun prudenti u juri rispett lejn ħaddieħor billi jimxi mal-ordnijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Huwa temm l-omelija billi qal li llum, jum it-twelid ta’ Marija, huwa jum ta’ ferħ għaliex ifakkarna li Kristu huwa magħna. L-aħħar kliem tiegħu kien l-għajta “Viva Marija Bambina!”