Marija kewkba tal-baħar tmexxina f’baħar imqalleb – l-Isqof Galea Curmi

Curia – church.mt/photos

Read in English.

F’lejlet il-festa ta’ Stella Maris, f’Tas-Sliema, l-Isqof Galea Curmi qal li meta Ġesù tana lil ommu bħala ommna fl-aħħar mumenti fuq is-salib, ried li fiha naraw l-omm li twassalna għandu. Fisser li din hija l-kewkba li ma tridx l-attenzjoni fuqha iżda li l-attenzjoni tridha fuq Ġesù.

L-Isqof Galea Curmi qal li Marija hija dik il-kewkba li tmexxina u tagħtina direzzjoni fil-vjaġġ tagħna tal-ħajja, kemm meta l-baħar ikun kalm kif ukoll meta jkun imqalleb.

Fisser kif f’ħajjitna ngħaddu minn baħar imqalleb u dan ġieli jaħbat se jiġbidna ’l isfel miegħu jew se jsabbatna ma’ xi mkien. Qal li għalhekk Marija kewkba tal-baħar hi dik l-għajnuna u l-faraġ li neħtieġu fit-tempesti tal-ħajja.

Qal li Stella Maris, li tfisser il-kewkba tal-baħar, tfakkarna fit-triq li rridu nagħmlu flimkien bħala Knisja u tagħtina l-kuraġġ biex nimxu ’l quddiem. Fakkar f’dawk il-mumenti li bħala membri tal-Knsija, tiġi t-tentazzjoni li narmaw il-ġifen u nduru miegħu u niggustaw lilu, jew indawruh bit-tiżjin minflok nimxu ’l quddiem fil-vjaġġ tal-ħajja.

L-Isqof fakkar ukoll fil-post li Marija kewkba tal-baħar tfakkarna li huwa fis-sema u mhux dak li hu ta’ din id-dinja. Huwa temm b’ talba li Marija tkun f’ħajjitna personalment imma wkoll bħala komunità parrokkjali u bħala Knisja li permezz tagħha twassalna għand il-Mulej u naslu hemm b’qalb ferħana u fil-paċi.