“Marija hija raġġ ta’ tama għall-bnedmin li jħarsu lejha” – L-Arċisqof

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li Marija Omm Alla hija raġġ ta’ tama għall-bnedmin kollha li jieħdu l-opportunità sabiex iħarsu lejha biex tigwidahom.

Mons. Scicluna qal dan fl-omelija tal-Quddiesa Pontifikali fil-festa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, fil-Bażilika Minuri tal-Mosta.

L-Arċisqof qal li meta l-bnedmin iħarsu lejhom infushom jarawhom miksijin bil-ħtija tad-dnub u umiljati minħabba d-dgħufija tagħhom. Qal li mbagħad, meta jerfgħu ħsibijiethom lejn Marija, fiha jaraw kewkba ta’ tama, it-tama li jintrefgħu mid-dnubiet u meta jrid il-Mulej, jgħaddu mill-mewt għall-ħajja ta’ dejjem.

L-Arċisqof fakkar fil-mewt ta’ Marija, fejn qal li similarment għal binha, ġisimha ma tħalliex isofri t-tħassir li ġġib magħha l-mewt. Qal li hi kienet mingħajr dnub għaliex Alla ħarisha mid-dnub. Sostna li hi użat is-sensi tagħha f’għamla ta’ umiltà u użathom biex tkun ta’ servizz għall-umanità. Spjega li filwaqt li l-iben qam bil-qawwa tiegħu minħabba li huwa l-iben ta’ Alla, l-omm hija assunta, u l-irxoxt tagħha huwa opra ta’ ħniena ta’ binha fuq l-omm.

“Intom salvi mill-grazzja permezz tal-fidi”

L-Arċisqof qal li l-bnedmin huma salvi mill-grazzja permezz tal-fidi u mhux bis-saħħa tagħhom stess. Qal li meta l-bnedmin jagħrfu dnubiethom jintefgħu fl-abbiss ta’ disperazzjoni u ma jċedux għaliha.

Sostna li hemm bżonn li l-bnedmin jagħrfu l-kundizzjoni vera tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-faraġ u jilqgħu l-ferħ li tagħti din il-festa. Qal li llum Sidtna Marija ma tħarisx lejn il-bnedmin biex tħallihom fil-miżerja tagħhom, imma sabiex tqawwi qalb il-bnedmin u tagħmlilhom kuraġġ.