Marija hija l-infermiera u Kristu hu t-tabib

L-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech qal li fit-tieġ ta’ Kana, Ġesù kien it-tabib u Marija kienet l-infermiera. Spjega li meta l-għarajjes spiċċalhom l-inbid jimmaġina li xtaqu l-art tinfetaħ u tiblagħhom bil-mistħija  u Ġesù kien dik il-persuna li fejjaq l-uġigħ li kienu qed iħossu. Żied li Marija kienet l-infermiera li għax emmnet fil-kapaċità tat-tabib u qaltilhom biex jagħmlu dak li jgħidilhom hu. L-Isqof spjega li b’dak li għamel Ġesù fejjaq il-qalb miksura u miġugħa tal-għarajjes.

Il-Knisja hija l-klinika tal-Ispirtu

L-Isqof Grech kien qed jagħmel l-omelija tiegħu fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fl-okkażjoni tal-136 sena anniversarju minn meta l-Madonna kellmet lil Karmni Grima u Franġisku Portelli kawża tal-fejqan mirakoluż ta’ Ċensa omm Franġisku. B’referenza għal dan l-Isqof Grech qal li f’dan is-Santwarju jilmaħ dak li qal l-Papa San Pawlu VI fejn sejjaħ ‘klinika tal-Ispirtu’: ‘Dak li forsi ma jersaqx biex jirċievi l-grazzja ta’ Alla fil-parroċċa, jagħmel il-qalb u jmur għand Marija.’ Żied li dan qalu wkoll l-Papa Franġsiku meta qal li ‘s-santwarji huma mkejjen kważi sagramentali ta’ Knisja sptar fuq il-kamp tal-battalja, li jħarsu l-memorja tal-poplu fidil li qalb it-tiġrib tiegħu ma jgħeja qatt ifittex għajn tal-ilma ħaj mnejn iġedded it-tama tiegħu.’

l-Isqof spjega li għalhekk Ċensa, omm Franġisku kienet l-ewwel pazjenta f’din il-klinika ‘Ta’ Pinu’ u minn dakinhar ġew eluf ta’ nies biex ifittxu fejqan ta’ kull xorta. Spjega li fil-bidu tas-Sena Marjana huwa kellu f’moħħu li jfakkar li din il-klinika tilqa’ lil kulħadd. Huwa semma li barra mard personali hemm mard li qed jifni ż-żwiġijiet u l-familji, hemm mard li qed iżarma l-ġenerazzjoni żagħżugħa, kif ukoll qed jheżżeż l-istrutturi soċjali, iċajpar il-viżjoni tad-dinjità umana, jmermer l-ekonomija, iħawwad lill-ħassieba u x-xjenzati, u laqat il-Knisja u n-nies tagħha.

Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu mill-fejqan

Huwa enfasizza li fil-Knisja kulħadd huwa milqugħ u ħadd ma għandu jaqta’ qalbu mill-fejqan. Spjega li San Pietru Krisologu jgħallem li ‘Ġesù sar bniedem biex jieħu fuqu l-mard tagħna u minflok lilna jagħtina l-virtujiet tiegħu, jieħu fuqu l-uman u jagħtina d-divin, jissaporti t-tbatija u jagħtina s-saħħa. It-tabib li ma jerfax il-mard ma jafx ifejjaq u min mhux marid ma’ min hu marid, ma jafx ifejjaq’.

Huwa appella lil dawk li jħoss li jħossuhom magħsura bil-piż tal-mard jersqu lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu u l-Madonna bħala l-infermiera twasslhom għand Ġesù. Żied li wieħed jiżbalja jekk jaħseb li biex jidħol fil-Knisja għandu jkun imfejjaq. Fakkar li s-Santwarju ta’ Pinu huwa ‘sptar’ u klinika’ li għandu l-bibien tiegħu miftuħa biex ikebbes it-tama fil-qalb ta’ dawk kollha li jkunu tilfuha u dan ma jagħlaq qatt.