Marie-Lourdes Grech se tmexxi l-Uffiċċju Estern tal-Whistle Blower Unit

Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Kabinett, Marie-Lourdes Grech, se tkun qed tmexxi l-Uffiċċju Estern tal-Whistle Blower Unit.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar kif se taħdem il-liġi tal-Whistle Blower.

L-irwol tal-External Whistle Blower Unit hu li jkun hemm possibilità ta’ appell. Dan f’każ meta l-Whistle Blower iħoss li kellha tittieħed azzjoni fuq xi ħaġa li rraporta u ma tteħditx.

Hekk kif illum tidħol fis-seħħ il-Liġi tal-Whistle Blower Act, Dr Owen Bonnici saħaq li dan il-Gvern wettaq f’xahrejn dak li ħaddieħor ma wettaqx f’25 sena.

Owen Bonnici qal li kellu jsir ħafna xogħol aministrattiv biex saret din il-liġi.  Huwa spjega li kulħadd jista’ jirraporta xi għaġir ħażin ta’ min iħaddem. F’dan il-kuntest, ħaddiem tinkorpora kull min għandu x’jaqsam mal-Gvern u l-privat. 

Ladarba jiġi approvat ir-rapport, il-persuna li għamlet ir-rapport jiġi protett minn kull pass dixiplinarju li jista’ jittieħed kontrih. Il-Whistle Blower jista’ jirraporta fuq dawk l-affarijiet li qed jiġru kif ukoll fuq każijiet mill-passat.

Ir-rapport tal-Whistle Blower irid isir bil-miktub. Wara investigazzjoni, jiġi deċiż jekk l-informazzjoni fir-rapport tikxifx każ gravi jew le. F’kull każ l-identità tal-Whistle Blower tibqa’ sigrieta.