Marie-Louise Coleiro Preca se tirriżenja mill-Parlament nhar it-Tlieta

Nhar it-Tlieta, l-1 t’April, se tkun l-aħħar darba li l-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u President-elett Marie-Louise Coleiro Preca se tindirizza l-Parlament qabel tippreżenta l-ittra tagħha ta’ riżenja minn Membru Parlamentari lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.
Skont ftehim milħuq fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta li ġej dritt dritt wara l-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, il-Ministru Coleiro Preca mistennija tippreżenta l-ittra tagħha ta’ riżenja imbagħad toħroġ mill-Kamra, bl-Ispeaker jaqra l-kontenut tal-ittra.
Dritt wara, mistennija jitressqu u jitqiegħdu għall-vot il-mozzjonijiet dwar ir-ringrazzjament tal-President ta’ Malta George Abela u l-mozzjoni dwar il-ħatra tal-President il-ġdid.
Hekk kif tagħlaq id-diskussjoni dwar il-mozzjoni, il-Kamra tiġi aġġornata immedjatament mingħajr ħin tal-Aġġornament.