Marica Mizzi tiftaħ kawża kontra l-Gvern

L-eks kordinatur tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-President Marica Mizzi fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Gvern għad-danni li sofriet minħabba t-terminu tal-impjieg tagħha. 
Mizzi fetħet il-każ kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar wara li l-kuntratt tal-impjieg ġie tterminat mal-ħatra tal-President il-ġdid Marie Louise Coleiro Preca.
Marica Mizzi spjegat li ġiet impjegata mal-Uffiċċju tal-President b’kuntratt ta’ ħames snin, li beda f’April 2009. Żiedet tgħid kif ftit xhur ilu s-Segretarju perżenti tal-President ta' Malta Carmel Briffa, infurmaha li l-kuntratt tagħha kien se jiskadi fl-4 ta’ April 2014.
Qalet li l-kuntratt kien jgħid li mat-terminazzjoni tiegħu, dawk il-persuni li bdew jaħdmu fl-Uffiċċju tal-President iżda ma kinux ħaddiema taċ-ċivil, kienu intitolati għal sitt xhur paga u benefiċċji oħra sakemm isibu xogħol fis-settur privat.
Marica Mizzi sostniet ukoll li ftit ilu saret taf mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li l-kumpens tagħha qed jinħadem iżda mbagħad ġiet infurmata li mhi se tingħata l-ebda kumpens.
Mizzi qalet li dawk il-persuni kollha li kienu f’pożizzjoni simili ngħataw il-kumpens u għalhekk qed tittama li fil-każ tagħha ma kienx hemm motivi ulterjuri għal din id-deċiżjoni.
Talbet ukoll il-pagament għal-leave li ma kinitx ħadet.