Mariam sa fl-aħħar tinħeles għal kollox

Il-mara Sudaniża li kienet inħelset mill-piena tal-mewt wara li kkonvertiet mill-Iżlam għall-Kristjaneżmu, reġgħet inħelset wara li twaqqfet fl-ajruport flimkien mal-familja tagħha.
L-omm ta’ 27 sena kienet reġgħet ġiet arrestata flimkien ma’ żewġha li hu Amerikan u ż-żewġ uliedhom waqt li l-bieraħ kienu se jitilqu minn Kharthoum, ġurnata wara li inħelset mill-ħabs.
Il-pulizija tal-ajruport arrestaw il-familja wara li l-mara ippreżentat id-dokumenti biex tivvjaġġa li kien maħruġa mill-ambaxxata tas-Sudan tan-Nofsinhar flimkien ma’ visa tal-Amerika.
Huma qiesu li l-użu ta’ dawn id-dokumenti bħala att kriminali u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin laqqa’ l-ambaxxaturi Amerikani u tas-Sudan tan-Nofsinhar. Skont l-avukati tal-mara, il-familja kellha tinżamm għal 24 siegħa qabel tħalliet tkompli bil-vjaġġ lejn l-Istati Uniti.
Il-każ ta’ Mariam wassal għal pressjoni internazzjonali qawwija fuq il-Gvern tas-Sudan.