Maria trid dejjem kollox perfett

Tifla Skola

L-imġiba tat-tfal dejjem ikollha skop warajha. Jekk ma nifhmux l-iskop għala wliedna jagħmlu xi ħaġa jew iġibu ruħhom b’ċertu mod, mhux se nkunu nafu x’għandna nagħmlu. Din hija waħda mill-akbar diffikultajiet fit-trobbija tal-ulied.

Maria, ta’ disa’ snin, kienet tifla kwieta imma anzjuża. Fl-iskola kienet tmur mhux ħażin imma qatt ma kienet tkun kuntenta bil-marki li ġġib, avolja ġeneralment kienet iġġib 80 u aktar. Kienet tibki għax ma ġġibx 100 u għax kien hemm oħra li tgħaddiha. Il-homework kienet tieħu s-sigħat biex tlestih. Kienet tikteb u tħassar u terġa’ tibda diversi drabi … basta kollox jiġi “perfett”.

Qatt ma kienet tkun kuntenta b’dak li tagħmel. Kellha oħtha, ta’ sitt snin, li kienet differenti ħafna minnha – kif ħafna drabi jkunu l-aħwa. Il-ġenituri kienu jgħidu li f’xogħolha Marija kienet fitta u preċiża, u għall-ewwel huma kienu jieħdu pjaċir. Imma aktar ma bdiet tikber Maria, aktar bdiet tikber il-problema għax tant kienet iddum tagħmel il-homework li lanqas kienu jistgħu joħorġu x’ħin iridu.

Perfezzjoniżmu mhux perfezzjoni

Kien ċar li t-tifla kienet riesqa mhux lejn il-perfezzjoni imma lejn il-perfezzjoniżmu. Inzerta wieħed mill-ġenituri kien perfezzjonist ukoll. Mhijiex sitwazzjoni sabiħa għax il-perfezzjoniżmu jista’ jkissrek! Il-perfezzjoni f’Alla biss qiegħda, u aħna qatt ma nistgħu nkunu bħalu!

Il-fatt hu li din it-tifla fl-ewwel ħames snin ta’ ħajjitha paspret li biex il-ġenituri jkunu jħobbuha jrid ikollha kollox tajjeb, kollox perfett.

Dan hu żball. It-tfal m’għandhomx għalfejn jogħġbu lill-ġenituri biex dawn iħobbuhom. It-tfal m’għandhomx idea x’jiġifieri tkun ġenitur u għalhekk jinterpretaw l-affarijiet b’mod żbaljat. Dan jista’ jwassal ukoll għal stima baxxa tagħhom infushom.

X’għandhom jagħmlu l-ġenituri? L-ewwel ħaġa li jridu jagħmlu hi li “jaħdmu fuqhom infushom”. Iridu jaċċettaw li mhumiex perfetti, u lanqas uliedhom ma huma perfetti. Uliedhom għadhom qed jitgħallmu, għadhom qed jaħdmu biex f’dak li jagħmlu dejjem jagħmlu ħilithom kollha, biex l-għada jkunu aħjar … imma mhux biex ikunu “l-aħjar fil-klassi”. Jitgħallmu jimxu bil-mod, pass pass, u hekk jiffrankaw ħafna stress.

Ħaġa oħra li għandhom jitgħallmu l-ġenituri hi li, kif jgħidu l-Ingliżi, “making mistakes OK”. Anki bil-Malti ngħidu: “Bl-iżbalji titgħallem!” U hekk kull żball jinbidel f’lezzjoni … u hekk ma jibqax żball.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn

Flimkien Jannar 2021 Cover