Maria De Filippi tiddiskuti verżjoni VIP ta’ Amici mal-Canale 5

Ritratt: Mediaset

Fl-aħħar sigħat, il-midja Taljana rrapurtat li f’Settembru li ġej hemm ċans kbir li fuq Canale 5, kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija, naraw verżjoni oħra ta’ Amici.

Amici VIP huwa l-format il-ġdid tal-programm li qed jiġi diskuss u li se jieħu post Music Farm li l-istess stazzjon għadu kif ħabbar li mhux se jkun qed isir din is-sena.

Amici VIP ovvjament se jkollu produzzjoni tal-kumpanija ta’ Maria De Filippi, iżda mhux se tkun De Filippi li se tmexxi l-programm.

Skont l-informazzjoni li għadha kif ħarġet, qed tiġi kkunsidrata l-preżentatriċi Alessia Marcuzzi biex tmexxi dan il-programm ta’ filgħaxija.

B’hekk De Filippi tkun tista’ tibqa’ għaddejja bil-programmi l-oħra tagħha.

Dejjem jekk il-programm isir, fil-verżjoni VIP, il-personalitajiet magħżula se narawhom jitħarrġu u jikkompetu f’oqsma li ma humiex daqshekk tajba fihom!