Marco Bonnici kkonfermat President tal-MUT

Marco Bonnici reġa’ ġie kkonfermat President tal-Malta Union of Teachers (MUT) wara l-elezzjoni li saret biex jiġu eletti l-President, il-Viċi President Anzjan u l-Kunsill tal-Malta Union of Teachers.

Elaine Germani ġiet maħtura bħala Viċi President Anzjan tal-MUT.

Din l-elezzjoni ssir kull erba’ snin. Dan il-kunsill se jibda t-terminu tiegħu f’Lulju ta’ din is-sena u jispiċċa f’Ġunju tal-2024.

Fi stqarrija l-MUT qalet li l-irwoli fil-Kunsill ta’ dawk eletti se jkun qiegħed jitħabbar aktar ‘il quddiem.

L-MUT rringrazzjat lill-kandidati kollha li ħadu sehem f’din l-elezzjoni.

Il-Malta Union of Teachers twaqqfet fl-1919 wara l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju u maż-żmien kibret biex mis-600 membru li kellha fit-twaqqif tagħha, illum għandha kważi 10,000 membru. L-Unjin tirrappreżenta lill-għalliema f’kull grad.

Wieħed jista’ jara l-lista kollha ta’ dawk eletti f’din l-elezzjoni hawn.