Marchisio jżarma mill-futbol; se jagħmel żjara f’Malta

L-eks plejer ta’ Juventus u l-midfielder tat-tim nazzjonali Taljan Claudio Marchisio ħabbar li rtira mill-karriera professjonali tal-futbol.

Hu twieled u kiber f’Turin u ffirma għal Juventus meta kellu seba’ snin. Marchisio b’kollox lagħab 389 logħba għal Juve, skurja 37 gowl, 43 assist u ħa kara ħamra darba biss.

Hu ħabbar dan il-bieraħ. B’hekk effettivament iż-żjara li se jagħmel f’Malta nhar it-12 ta’ Ottubru se tkun l-ewwel żjara uffiċjali mindu ħa din id-deċiżjoni.

Ftit tal-jiem ilu Marchisio bagħat filmat fejn fih ikkonferma li se jkun qed iżur lil Malta grazzi għal attività li qed jorganizza l-klabb ta’ Juve f’Malta. Kull min jixtieq jattendi u jiltaqa’ mal-eks plejer ta’ Juve għandu jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook tal-klabb biex jikseb aktar dettalji.