Maratona ta’ qdif ta’ 12-il siegħa b’risq il-kampanja reBuildreRow

Il-Klabb tal-Qdif tal-Università ta’ Malta

Il-Klabb tal-Qdif tal-Università ta’ Malta, flimkien mal-Federazzjoni tal-Qdif tal-Libanu u bi sħubija ma’ Tua Engineering u bl-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, organizzat maratona tal-qdif ta’ 12-il siegħa biex tiġbor fondi bħala kontribuzzjoni għall-kampanja internazzjonali rebuildrerow.com.

F’Awwissu 2020, aktar minn 200 persuna tilfu ħajjithom fi splużjoni traġika li laqtet il-belt kapitali Libaniża ta’ Beirut, u l-effetti ta’ dan flimkien mal-imxija tal-COVID-19 ħallew il-belt kapitali fi stat ta’ emerġenza.

Din il-maratona qed issir bil-parteċipazzjoni ta’ diversi organizzazzjonijiet ta’ studenti fl-Università ta’ Malta. Dan ma jkunx possibbli kieku ma kienx għall-investiment f’tagħmir tal-qdif appoġġjat minn SportMalta u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, li fis-sena 2019-2020 iffinanzja aktar minn €7,000 f’tagħmir tal-gym.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li joħorgu numru ta’ valuri minn din il-maratona li huma eżistenti u għadhom ħajjin fis-soċjetà Maltija. L-ewwel valur hu l-volontarjat fejn saħaq kemm hu importanti u li għadu b’saħħtu f’pajjiżna u t-tieni element hu s-solidarjetà li minkejja aħna poplu żgħir, kapaċi ningħaqdu flimkien biex ngħinu lil ħaddieħor. Fl-aħħar nett faħħar lill-klabb għax-xogħol siewi li jsir matul is-sena kollha filwaqt li rringrazzja lill-voluntiera kollha li ta’ kull sena jgħinu fil-ħidma ta’ din l-għaqda.

Il-President tar-UM Rowing, Rebekah Caruana, iċċelebrat il-kollaborazzjoni ta’ qaddiefa u studenti minn madwar 10 pajjiżi differenti li ngħaqdu għal għan wieħed, dak li jappoġġjaw lill-ħbieb tagħna biex jerġgħu jibnu l-passjoni tagħhom. Il-kollaborazzjoni kienet possibbli biss grazzi għall-investiment li għamlet l-Università ta’ Malta.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.