Maradona juri x-xewqa li jmexxi lill-Arġentina

L-eks stilla Arġentina Diego Armando Maradona f’intervista li ta lil stazzjon Arġentin wera x-xewqa tiegħu illi jerġa’ jmexxi lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu fil-futur qarib. 
“Ninsab ferm irrabjat għal mod kif qed jitmexxa t-tim nazzjonali bħalissa. Fil-preżent il-prestiġġju tagħna qed jiġi mogħti l-ġenb u hemm bżonn sistema ta’ logħob li bħalissa m’hemmx,” saħaq Maradona. 
Din id-dikjarazzjoni kienet botta fina għal kowċ preżenti Jorge Sanpaoli illi ftit jidher popolari mal-poplu Arġentin inkluż l-eks fenomenu ta’ Napoli mlaqqam El Pibe de Oro. 
Jekk eventwalment Maradona jieħu t-tmexxija tat-tim f’idejh, dan ikun ritorn wara li mexxa lil Arġentina fil-finali tat-Tazza tad-Dinja illi saret fl-Afrika t’Isfel fl-2010. 
Minkejja kollox, Maradona ftit kellu suċċessi bħala kowċ bil-federazzjoni Arġentina qed tevalwa dan kollu wara li l-kuntratt tal-kowċSanpaoli jintemm wara l-finali tat-Tazza tad-Dinja tar-Russja fis-sajf illi ġej.