Awguri lill-attriċi Ines Farrugia li llum qed tiċċelebra għeluq is-76 sena tagħha. Hija twieldet f’Tas-Sliema nhar l-4 ta’ Lulju 1944. L-attriċi tinterpreta l-karattru ta’ Konċetta fis-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba li bħalissa qed terġa’ tixxandar kull nhar ta’ Erbgħa fuq TVM. L-episodji l-ġodda mistennija jibdew jixxandru f’Ottubru. B’kollox hemm pjanat 36 puntata oħra.

Ines hija wkoll omm ta’ żewġ subien, Darren u Adrian.
Farrugia bdiet il-karriera tagħha meta kellha tmien snin u kienet ukoll fost l-atturi li dehru fl-ewwel teleserial bil-Malti, F’Baħar Wieħed. Hija kienet tinterpreta lil Mary.
Fatt partikolari li ftit jissemma’ huwa meta kienet intagħżlet mill-kumpanija Swedish Broadcasting Corporation biex tieħu sehem fit-teleserje tal-1972 Mrs. Pepperpot.
Hija kienet ħadmet il-parti ewlenija fid-dokumentarju An Eye to Reckon ta’ Francis Ebejer li kien kklassifika fit-tielet post fil-Golden Harp Festival li kien ittella’ f’Dublin.
Il-lista ta’ produzzjonijiet li Ines ħadet sehem fihom hija twila u tvarja minn dawk fil-qasam tar-radju, teatru u televiżjoni. Illum il-ġurnata hija wkoll waħda mill-għalliema ta’ Mixta Drama. U proprju llum f’għeluq sninha ma naqsux il-bosta messaġġi ta’ awgurju, fosthom anki minn studenti tagħha.
Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.