Mara twelled tewmin quddiem il-bieb ta’ Università fl-Ingilterra

Mara li tgħix fit-triq spiċċat welldet tewmin prematuri quddiem il-bibien ta’ kulleġġ ewlieni tal-Università ta’ Cambridge fl-Ingilterra.

Il-mara, li jidher li għandha madwar 30 sena, welldet barra Trinity College. Hi ngħatat l-għajnuna mill-membri tal-pubbliku li ċemplu l-ambulanza.

Mara li kienet fuq il-post qalet lil Cambridge News li kienet rat lill-omm u liż-żewġ trabi mgeżwrin fil-kutri ġewwa ambulanza waqt li hi kienet qed issuq ir-rota tagħha t-Tnejn kmieni filgħodu. Spjegat li persuna li taħdem magħha kienet l-ewwel persuna fuq il-post u mill-ewwel fittxet l-għajnuna.

Il-mara spjegat li t-tama tagħha huwa li l-omm tingħata post fejn tgħix u ż-żewġt itrabi jgħaddilhom kollox b’wiċċ il-ġid. Is-servizz tal-ambulanza qal lil Cambridge News li l-paramediċi waslu fuq il-post qabel is-7am. Il-mara u t-tfal ittieħdu fl-isptar Rosie, sptar li jispeċjalizza fil-maternità u li jinsab viċin Cambridge.

Intant, bdiet kampanja ta’ crowdfunding sabiex jinġabru flus għall-mara. Dik li bdiet il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-mara qalet li kemm jekk wieħed huwa reliġjuż u anke jekk le, bosta huma familjari mal-istorja tal-Madonna li kienet fittxet post fejn tista’ twelled u ma sabitx, tant li spiċċat welldet fi stalla.

Sa issa, inġabru aktar minn €13,000.