Aġġornata: Tliet persuni l-Isptar wara żewġ inċidenti separati

F’inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tat-8am ta' dalgħodu, sewwieq u passiġġier li kienu fl-istess karozza kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Il-kundizzjoni tagħhom għadha m’hijiex magħrufa.
L-inċident seħħ hekk kif il-vettura li kienu fiha kienet involuta f’ħabta ma’ karozza tal-linja f’salib it-toroq bejn Triq Tarxien u Triq il-Palmi f’Raħal il-Ġdid. Fil-vettura kien hemm ukoll it-tielet persuna li ma sofra l-ebda ġrieħi.
Ix-xufier tal-karozza tal-linja, li għandu 48 sena u huwa minn San Ġwann, ukoll ma sofra l-ebda ġrieħi.

Aktar kmieni:
Mara ta’ 40 sena minn Ħal Kirkop sofriet ġrieħi ħfief meta kienet involuta f’inċident tat-traffiku kmieni dalgħodu fi Triq Aldo Moro l-Marsa. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4am fejn żewġ vetturi baqgħu deħlin f’xulxin wara li karozza minnhom skiddjat. Huwa mifhum li ż-żewġ karozzi kienu qed jinstaqu fl-istess direzzjoni.
Il-karozza l-oħra kienet misjuqa minn raġel ta’ 45 sena mill-Imqabba, u li ma sofra l-ebda ġrieħi.
Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.
Intant f’inċident separat f’Tas Sliema tard ilbieraħ filgħaxija, karozza ħadet in-nar. Ħadd ma weġġa f’dan l-inċident. Issejħu l-ħaddiema tat-tifi tan-nar li kkontrollaw in-nirien.

Ritratt: MRTU