Mara tqila tinħeles mill-arrest; seħibha jinżamm arrestat għal serq

Mara tqila u s-sieħeb tagħha wieġbu mhux ħatja għal sensiela ta’ serqiet ta’ oġġetti li jvarjaw minn ħwejjeġ sa ċilindri tal-gass.

Iż-żagħżugħa ta’ 24 sena u s-sieħeb tagħha ta’ 36 sena li joqogħdu San Pawl il-Baħar ġew arrestati bħala s-suspettati għal serqiet li kien hemm fl-aħħar xhur f’ħanut tal-ħwejjeġ f’Baystreet, ħanut ieħor f’Burmarrad, f’sit tal-kostruzzjoni fil-Mellieħa fejn serqu wajers tal-elettriku, tliet ċilindri tal-gass minn San Ġiljan u brace minn garaxx fil-Mellieħa.

Ir-raġel ġie akkużat separatament li seraq karozza minn Burmarrad f’Marzu, li kellu propjetà misruqa u li weġġa’ ħafif vittma ta’ serqa, kif ukoll li għamel dan kollu waqt li kien qed jiskonta sentenza sospiża li ngħatatlu f’April.

Il-koppja wieġbet mhux ħatja u talbu għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer mill-Prosekuzzjoni informa lill-Qorti li mhuwiex joġġezzjona għall-ħelsien tal-mara peress li din għandha tmien xhur u nofs tqala u teħtieġ kura medika, iżda qed joġġezzjona għall-ħelsien tar-raġel. L-Ispettur qal li jekk ir-raġel jinħeles, x’aktarx ikompli jisraq.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat tad-Difiża Franco Debono qal li minkejja r-rekords kriminali tar-raġel, ma kienx hemm wisq miżuri ta’ superviżjoni tul it-tliet xhur li ilu li ngħata żmien ta’ prova. Huwa sostna li b’xi forma ta’ superviżjoni, ir-raġel ikun jista’ jirriabilita ruħu.

L-Ispettur Godwin Scerri mill-Prosekuzzjoni ma qabilx ma’ dan, u semma li r-raġel kien seraq karozza, fost l-oħrajn, li mhix oġġett żgħir.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għar-raġel. Lill-mara ħelsitha mill-arrest b’depożitu ta’ €500, garanzija personali ta’ €5,000, bil-patt li tkun id-dar bejn is-7pm u s-7am, u li tiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa. Il-Maġistrat wissieha biex tinforma lill-pulizija f’każ li t-tqala tagħha ma tippermettilhiex li ssegwi dawn il-kundizzjonijiet.