Filmat: Jiddaħħlu Malta 44 immigrant fuq l-Open Arms

L-44 immigrant salvati mill-bastiment Open Arms iddaħħlu Malta fl-aħħar ħin. Huma żbarkaw f’Haywharf.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta. Ilbieraħ, l-Open Arms qalet li l-immigranti nġabru mill-baħar, 30 mil nawtiku ‘il barra minn Lampedusa. L-immigranti ġew trasferiti minn fuq il-bastiment Open Arms għal fuq patrol boat li mbagħad daħħlithom Malta.

Aqra: Open Arms issalva 45 persuna qrib Lampedusa

Intant, aktar kmieni, il-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermat li mhux se tkunu qed tieħu l-ebda tip ta’ azzjoni għalissa dwar l-immigranti abbord l-Ocean Viking. Huma iżda qed jissorveljaw is-sitwazzjoni.

Aqra: Sea Eye jsalvaw 90 persuna minkejja li sparaw fuqhom

Nhar is-Sibt li għadda, l-ekwipaġġ tal-bastiment Alan Kurdi kien diġà qed iqassam il-ġkieket tas-salvataġġ u evakwa lil xi wħud minnhom, meta dgħajjes Libjani resqu lejn il-bastiment. Il-Libjani ppożizzjonaw irwieħhom bejn il-bastiment Alan Kurdi u d-dgħajsa tal-immigranti biex iwaqqfu l-bastiment milli jkompli bil-ħidma.

Il-militar Libjan hedded lill-kaptan minn fuq ir-radju u mmiraw l-armi lejn il-bastiment. L-ekwipaġġ ittieħed fuq wara tad-dgħajsa biex inaqqsu l-periklu.  Il-Libjani sparaw fl-arja u fil-baħar u xi wħud sparaw fuq l-immigranti li kienu fil-baħar.

Waħda mill-immigranti li kienet tinsab abbord id-dgħajsa u kienet tqila spiċċat sabiex kellha kumplikazzjonijiet bit-tqala tagħha kawża tal-istress li għaddiet minnu. Il-kelliema għall-AFM ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li din l-immigranta ddaħlet l-Italja għall-kura.

“Malta abbandunat ir-responsabbiltà tagħha”

Għaqda tat-tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar akkużat lil Malta li abbandunat ir-responsabbiltà tagħha biex issalva tfajla b’emerġenza medika abbord il-bastiment Alan Kurdi.

Skont stqarrija mingħand sea-eye, Malta kienet qalet li se ssalva t-tfajla t-tqila abbord il-bastiment nhar il-Ħadd li għadda, b’użu ta’ ħelikopter. Dan wara li dgħajjes Libjani sparaw fuq in-nies abbord. Waħda mill-persuni kienet tfajla b’erba’ xhur tqala, li bdiet titlef ħafna demm, u għalhekk kienet se tiġi salvata.

Aqra: ‘L-ekwipaġġ ta’ Alan Kurdi mhedded b’armi tan-nar qrib il-Libja’

Fi stqarrija, l-għaqda qalet li Malta ħassret il-ħidma ta’ salvataġġ minħabba t-temp. Malta kienet qalet ukoll li l-Alan Kurdi qiegħed eqreb għal Lampedusa. Però, skont Jan Ribbeck li qed imexxi l-missjoni, “it-temp kien tajjeb. Huwa importanti li kulħadd ikun jaf li konna fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ Malta.” Żied li din tfisser li Malta kellha tkun responsabbli għas-salvataġġ, anka jekk it-tfajla ma titniżżilx Malta.