Mara tittiħdilha l-liċenzja għax f’ħabta kkawżat diżabbiltà ta’ 12% lill-vittma

Mara weħlet multa u ttiħditilha l-liċenzja tas-sewqan għal sena għax instabet ħatja ta’ inċident tat-traffiku bejn 2 karozzi li ġara fl-2007, li ħalla lill-vittma b’diżabbiltà ta’ 12%.

L-inċident ġara f’Ottubru, meta 2 karozzi ħabtu fil-Mellieħa, meta l-vittma marret tagħmel U-turn fi Triq il-Kbira, iżda meta kienet fil-karreġġjata l-opposta, hija ħabtet fil-mara li nstabet ħatja, li kienet qiegħda tirriversja.

Il-Pulizija akkużat lill-mara ta’ 35 sena miż-Żejtun b’sewqan traskurat, b’konsegwenza li weġġgħet b’mod gravi lill-vittma, li barra minn diżabbiltà ta’ 12%, kisret ukoll il-polz. Meta ġara l-inċident, hija kienet tqila iżda ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia, ikkonkludiet li t-tort kien tal-mara li kienet qed tirriversja. Għaldaqstant, ġiet immultata €2,900, u skwalifikata mil-liċenzja tas-sewqan għal sena.