Mara titlef ħajjitha f’inċident tat-traffiku

Tard ilbieraħ flgħaxija mara tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ fil-10.15 ta’ flgħaxija fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi.
Il-mara, li għandha 31 sena u hi residenti s-Siġġiewi stess, tilfet il-kontroll tal-karozza, laqtet bankina, u ħabtet ma’ arblu tad-dawl.
Mad-daqqa l-vettura baqgħet dieħla ġo vettura oħra li kien hemm ipparkjata fl-istess triq.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu lill-vittma mill-karozza u ttieħdet l-isptar Mater Dei għall-kura.
Iktar tard il-mara tilfet ħajjitha.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa, li ħatret diversi esperti biex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ritratt: CMRU