Mara titlef €19,000 li tat lill-kuntrattur għax għadda wisq żmien mindu ffrodaha

Kuntrattur li tħallas €19,000 għal proġett f’residenza f’Tas-Sliema li ma rnexxilux ilesti, inħeles mill-akkuża ta’ frodi peress li kien laħaq għadda ż-żmien minn fuq ir-reat kriminali.

Ir-raġel ta’ 44 sena kien iffirma kuntratt ta’ €30,000 għas-servizzi tiegħu f’residenza ta’ mara, b’depożitu ta’ €7,500 li hi ħallset bi flus kontanti meta ntlaħaq il-ftehim. Għaxart ijiem wara li beda x-xogħol, il-kuntrattur talab għal €9,000 iżjed biex jixtri l-materjal, iżda l-ħaddiema tiegħu infurmaw lill-mara li huma ma kinux tħallsu.

Jumejn wara t-tieni ħlas, il-kuntrattur mar għand il-mara f’nofsillejl u ħoloq kaos sħiħ, hu u jitlob €2,500 iżjed. Heddidha li jirreżenja jekk ma tħallsux, u hi ħallsitu. Xi żmien wara, ir-raġel sparixxa, u kien hawn li l-mara daret ikkonfrontat lill-avukat tal-kuntrattur u qaltlu li hu kien konxju bil-frodi li wettaq il-klijent tiegħu.

Meta għaddiet madwar sena, il-kuntrattur reġa’ tfaċċa u qal li kien telaq minn Malta għax kellu xi problemi finanzjarji. Hawnhekk tressaq il-qorti, bl-avukat tiegħu jkollu jixhed peress li kien hu li ħeġġeġ lill-allegata vittma tikkonfronta l-pulizija.

Wara li kien ġie ddikjarat ħati u nħeles mill-arrest għal 3 snin fl-2016, il-każ tal-akkużat ġie appellat u mbagħad intbagħat lura l-Qorti tal-Maġistrati peress li l-fażi tal-evidenza qatt ma ġiet konkluża mill-Prosekuzzjoni.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, osservat li ma kienx hemm evidenza għall-valur tax-xogħlijiet li laħqu saru qabel ma l-akkużat abbanduna l-proġett.

Minkejja li l-każ imur lura għall-2009, ir-raġel l-ewwel li deher il-qorti kien fl-2015, u għalhekk, il-qorti kkonkludiet li r-reat kriminali ilu li twettaq, peress li l-perjodu preskrittiv hu ta’ 5 snin.