​Mara thedded lil żewġha li se toqtlu; miċħud l-appell

Mara li heddet lir-raġel tagħha b'ħajtu waqt li l-Pulizija kienet qed tisma’ it-telefonata tagħha tilfet l-appell li fetħet fil-qorti.
Fil-Qorti, il-mara qalet li ċemplet lir-raġel wara li dan qalilha li mhux se terġa’ tara lit-tifla tagħha.
Il-Qorti osservat li l-koppja kien qed ikollha problemi u li ż-żewġ persuni kienu sseparaw.
Dakinhar tal-inċident, il-mara kienet qed tistenna lit-tifla tasal mill-iskola. Ir-raġel ċemplilha u qalilha li kienet qed tistenna għalxejn. Hu kien kera post ieħor bil-ħsieb li jibda jgħix hemm mat-tifla. Qabel ma' mar sal-post il-ġdid, mar l-Għassa tal-Pulizija biex jinfurmahom bis-sitwazzjoni. Dak il-ħin ċemplet il-mara tiegħu u bdiet thedded lir-raġel b’ħajjtu. Peress li l-mowbajl kien fuq speaker mode, uffiċjal tal-pulizija sema’ t-telefonata.
Fl-2016, il-mara kienet ingħatat multa ta’ €50 u ġiet ordnata biex ma tħebbx għar-raġel għal sena. Il-mara appellat mis-sentenza għax qalet li l-aġir tagħha kien ipprovokat mill-aġir tar-raġel tagħha.
Il-Qorti qalet li għalkemm it-theddid tal-mara kien riżultat tal-aġir tar-raġel, it-theddid  fil-konfront ta’ ħajtu ma kienx ġustifikat.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-appell u kkonfermat is-sentenza li nqatgħet mill-ewwel Qorti.