Mara tgħid fil-Qorti li ma tistax tintbagħat il-Ġermanja għax joqtolha l-eks sieħeb tagħha

Mara arrestata fuq Mandat Ewropew għall-Arrest tagħha qalet li jekk tintbagħat lejn il-Ġermanja, l-eks sieħeb tagħha kien se joqtolha.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-mara Ġermaniża tinsab akkużata fil-Ġermanja li tat in-nar lil stalla taż-żwiemel. Hi allegatament ikkawżat ħsara ta’ €200 u huwa possibbli li weġġgħet xi żwiemel.
Id-difiża qalet li l-mara qed tikkontesta l-estradizzjoni tagħha peress li qed tibża’ li l-eks sieħeb tagħha li miegħu kellha t-tfal joqtolha jekk tmur lura l-Ġermanja. Fil-Qorti id-difiża qalet li r-raġel għandu ħafna poter fil-Ġermanja. L-isem tar-raġel ma ssemmiex fil-Qorti. 
Il-Qorti qalet li jekk il-mara se tkun qed tikkontesta l-mandat il-każ tagħha irid jiġi deċiż fi żmien xahar u li ma tkunx tista’ tapplika għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti qalet ukoll li kienet se tavża lill-awtoritajiet tal-Ġermanja biex jassiguraw is-sigurtà tagħha, però żiedet tgħid li ma tista’ bl-ebda mod torbothom jagħmlu dan.
Il-mara nżammet taħt arrest sakemm ikompli jinstema’ l-każ.