Mara tammetti li mhux vera kienu serquha

Mara ta’ 50 sena minn Ħal Qormi ammettiet li għamlet rapport falz lill-Pulizija meta stqarret li żewġt irġiel kienu serqulha €20,000 mill-karozza tagħha. Margherita Galea kienet qalet li l-irġiel użaw ukoll xi tip ta’ sprej fuqha qabel ma serqulha l-flus.

Iż-żewġt irġiel kienu nżammu taħt arrest għal madwar jumejn. L-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija ikkonfermaw li fil-verità, il-mara qatt ma kienet fil-post indikat minnha u li fih qalet li ġiet aggredita u misruqa.

Jirriżulta wkoll li l-mara l-ewwel qalet li kienu nsterqulha €20,000 meta jum wara, qalet li l-ammont misruq kien ta’ €10,000.

Il-mara ġiet liberata fuq kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin, kif ukoll ingħatat interdizzjoni ġenerali għal ħames snin.