Mara ta’ 51 sena ssoffri daqqiet b’oġġett fi triq f’San Ġiljan

Newsbook jinsab infurmat li mara ta' 51 sena residenti San Ġwann sofriet ġrieħi gravi wara li r-raġel ta' 53 sena residenti Tas-Sliema taha daqqiet b'oġġett mhux magħruf.

Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta ta' nofsinhar fi Triq Sant'Andrija f'San Ġiljan.

Sorsi li tkellmu ma' Newsbook qalu li r-raġel ġera wara l-mara, ħabtilha rasha ma' faċċata ta' dar u anke taha kemm felaħ bis-sieq u b'dak li kellu f'idu, filwaqt li wara ħarab jiġri bil-karozza.

Il-mara ttieħdet l-isptar Mater Dei b'ambulanza fejn kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi iżda ma tinsabx fil-periklu tal-mewt.

Newsbook jinsab infurmat ukoll li wara dan il-każ, ir-raġel saq bil-karozza u baqa' dieħel bil-vettura f'bieb ta' uffiċċju fi Triq San Ġorġ f'San Ġiljan. Hu mifhum li hemmhekk kien hemm oħt il-mara, li iżda ma sofriet l-ebda ġrieħi.