Mara ssib it-twieqi tal-karozza mkissrin; l-eks raġel u ħuh jinħelsu mill-arrest

Miguela Xuereb

Żewġ aħwa nħelsu mill-arrest wara li ġew akkużati li għamlu l-ħsara lill-karozza tal-eks mara ta’ wieħed minnhom.

L-aħwa Qriema ta’ 40 u 38 sena wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontrihom. Wieħed minnhom ġie mixli wkoll li ġiegħel lill-vittma tibża’ bl-azzjonijiet tiegħu, filwaqt li l-ieħor kien akkużat separatament li kien kompliċi ma’ ħuh f’dan ir-reat filwaqt li kiser kundizzjonijiet ta’ żmien ta’ prova.

Fil-qorti nstema’ kif il-vittma għamlet rapport fl-għassa tal-Marsa li l-karozza tagħha saritilha ħsara kbira, li tammonta għal aktar minn €2,500, u kellha t-twieqi mkissrin.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużati nqabdu permezz ta’ filmati li ttieħdu minn kameras tas-sigurtà.

Il-Maġistrat Charmaine Galea aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda imponiet diversi kundizzjonijiet fuq l-aħwa fosthom li jridu jiffirmaw fl-għassa ta’ Ħal Qormi darbtejn fil-ġimgħa.

Il-Maġistrat Galea ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.